Internazzjonali

Jiftħu mill-ġdid il-banek fil-Greċja

Il-banek Griegi fetħu mill-ġdid wara li kienu ilhom magħluqin għal dawn l-aħħar tliet ġimgħat, kaġun tal-istaġnar dovut għall-kriżi tad-djun li qed tiffaċċja l-Greċja. Dan waqt li l-Gvern tal-Prim Ministru Grieg, Alexis Tsipras, beda jħallas lura parti mid-dejn dovut lill-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) u l-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF).

Il-ftuħ tal-banek sar possibbli wara li l-Gvern ta’ Tsipras laħaq ftehim li jirrikjedi għajnuna fiskali bi skambju mar-riformi. B’dan il-ftehim, il-Greċja evitat li tonqos mill-obbligi fuq id-dejn u sitwazzjoni fejn kellha tispiċċa minn membru taz-zona ewro.

Is-sriebet tan-nies quddiem il-magni tal-ATMs kienu xena komuni fil-Greċja fl-aħħar ġimgħat, bin-nies li jistgħu jiġbdu massimu ta’ 60 ewro kuljum. Issa, il-limitu għall-flus li jistgħu joħorġu l-Griegi hu stabbilit fuq ġimgħa, b’mod li persuna tista’ tiġbed 420 ewro.

Dan ifisser li l-Griegi mhux se jkollhom jistennew fil-kju kuljum, iżda xi osservaturi qalu li l-ftuħ mill-ġdid tal-banek għandu jeffettwa biss minimament il-kapaċitajiet ta’ ħafna nies u professjonisti biex jilħqu l-impenji finanzjarji rispettivi.

Għalkemm l-aħħar żviluppi dwar il-banek jirriflettu ftit tan-normalità għall-ekonomija Griega, ħadd ma jiddubita li fadal il-problemi għal tul ta’ żmien f’dan il-qasam.

Il-Griegi qed jiffaċċjaw ukoll żidiet fil-prezzijiet, fid-dawl taż-żidiet fit-taxxa tal-VAT. Il-qgħad fil-Greċja wkoll hu sostanzjalment għoli, u r-rati tar-reċessjoni fil-pajjiż huma kumparabbli ma’ waħda mill-akbar ‘crashes’ ekonomiċi fl-istorja.

Għalissa, ma jistgħux isiru trasferimenti ta’ flus lejn il-banek barra l-Greċja, u l-poplu Grieg irid iħallas aktar fuq il-prodotti u s-servizzi, fosthom l-ikel fir-ristoranti, ladarba l-VAT żdiedet minn 13 għal 23 fil-mija. Din iż-żieda fil-VAT tifforma parti mill-pakkett tar-riformi li insistew dwarhom il-kredituri internazzjonali biex jinfetħu t-taħditiet dwar il-bailout propost ta’ 86 biljun ewro għall-Greċja.

Intant, il-Greċja issa bdiet jħallas lura pagamenti ta’ 4.2 biljun ewro lill-ECB (li kellu jsir ilbieraħ) flimkien ma’ 2.05 biljuni dovuti lill-IMF.

Min-naħa tagħha, il-Ġermanja lesta biex tikkunsidra aktar konċessjonijiet tad-dejn għall-Greċja. Filwaqt li l-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, warrbet il-proċess ta’ ‘haircut’, li jfisser tnaqqis fid-dejn tal-Greċja, hi qalet li forom ta’ għajnuna oħra, li jinkludu tnaqqis fir-rati tal-interessi għall-Greċja, jistgħu jkunu kkunsidrati ladarba jitfasslu d-dettalji tal-aħħar programm.