Erba’ ħaddiema Taljani impjegati fis-settur tal-bini nħatfu minn aggressuri li ma kenux identifikati fl-inħawi ta’ Mellitah, lejn il-Punent tal-Libja. Intant, il-Gvern Taljan qed jgħid li diffiċli biex wieħed jispekula dwar min seta’ kien responsabbli għall-ħtif.
Il-Ministeru Taljan għall-Affarijiet Barranin qal li l-ħtif seħħ qrib ta’ kumpless tal-grupp Taljan ‘Eni’ li jipproduċi ż-żejt u l-gass f’dik iz-zona.
L-Italja kienet għalqet l-ambaxxata tagħha fil-Libja fi Frar li għadda, fejn wissiet lit-Taljani biex jitilqu minħabba l-periklu li qed jiffaċċjaw il-barranin f’dan il-pajjiż.
Il-Libja ilha erba’ snin mifnija bil-kumbattimenti li jinvolvu diversi gruppi armati, u mindu tqaċċat ir-reġim tal-eks-dittatur Libjan, Muammar Gaddafi.
Il-Ministru Taljan għall-Affarijiet Barranin, Paolo Gentiloni, qal li, s’issa, ftit waslulu dettalji dwar l-aggressuri involuti fil-ħtif tal-ħaddiema Taljani.
Dawn il-ħaddiema – li jihdru li nħatfu waqt li kienu qed jirritornaw lejn l-inħawi mit-Tuneżija – kienu impjegati mill-kumpannija ‘Bonatti’ li tipprovdi s-servizzi lis-settur taż-żejt, il-gass u l-enerġija.
Illum fil-Libja hemm żewġ gvernijiet rivali li qed jiġġieldu għal-leġittimità u l-kontroll tat-territorju. Fl-istess ħin, numru ta’ gruppi armati u ta’ militanti, fosthom it-terroristi tal-ISIS, ikkonsolidaw posthom f’ċerti nħawi ta’ dan il-pajjiż.
//= $special ?>