Internazzjonali

Jitneħħew l-aħħar statwi Sovjetiċi minn Vilnius

Il-ħaddiema f’Vilnius bdew iżarmaw l-istatwi u l-monumenti tas-suldati, l-istudenti u l-bdiewa li kienu ilhom snin weqfin fil-belt kapitali Litwana bħala rappreżentazzjoni tal-ideoloġija Sovjetika. Dawn l-istatwi kienu l-aħħar xogħlijiet tal-arti Sovjetiċi f’belt li llum tinsab mal-fruntiera tal-Lvant tal-Unjoni Ewropea u n-NATO.

Il-krejnijiet bdew jaqilgħu l-monumenti mill-pedestalli tagħhom proprju kwart ta’ seklu mindu l-Litwanja, repubblika fir-reġjun Baltiku, bdiet ħajja ġdida wara li ma baqgħetx inkorporata fl-Unjoni Sovjetika antika.

Sadanittant, it-tneħħija tal-istatwi u l-monumenti minn Vilnius seħħet meta l-Litwanja qed tiffaċċja tensjonijiet ġodda mar-Russja.

Is-Sindku ta’ Vilnius, Remigijus Simasius, qal li dawk l-istatwi kienu jirrappreżentaw gidba għaliex ma jirriflettux il-ħajja vera tan-nies li kellhom jgħixu fl-era tas-Sovjetiċi.

Sadanittant, l-awtoritajiet f’Vilnius qed jgħidu li l-istatwi antiki tas-Sovjetiċi tneħħew, primarjament, minħabba raġunijiet ta’ saħħa u sigurtà u mhux minħabba politika. Huma sostnew li l-istatwi tas-suldati kellhom jitilqu l-ewwel għaliex kienu l-aktar biċċiet tal-arti li spiċċaw fi stat dgħajjef u ħażin.