Internazzjonali

L-Istati Uniti u Kuba waqqfu mill-ġdid relazzjonijiet diplomatiċi formali

L-Istati Uniti u Kuba waqqfu mill-ġdid relazzjonijiet diplomatiċi formali. Dan kien possibbli ladarba sar effettiv il-ftehim tas-sena l-oħra li laħqu ż-żewġ eksavversarji wara li huma ddeċidew biex iwarrbu għexieren ta’ snin ta’ ostilità reċiproka.

Permezz ta’ dan il-ftehim, il-missjonijiet diplomatiċi ta’ Kuba u l-Istati Uniti ħadu l-livell ta’ ambaxxati u l-Gvern ta’ Kuba qed jirtira elementi tas-sigurtà minn madwar il-missjoni diplomatika tal-Istati Uniti f’Havana. Dan meta mhix se tkompli r-reġistrazzjoni tal-ismijiet tal-Kubani li jidħlu f’dan il-bini.

Iżda minkejja l-iżviluppi storiċi – bl-ambaxxati rispettivi jinfetħu mill-ġdid f’Washington u f’Havana għall-ewwel darba mill-1961 – l-Istati Uniti u Kuba jammettu li fadal id-diffikultajiet u l-problemi, f’dawn iċ-ċirkostanzi.

Filwaqt li l-President tal-Istati Uniti, Barack Obama, u l-President ta’ Kuba, Raul Castro, f’Diċembru, kienu ħabbru l-pass importanti lejn ir-restawr tar-relazzjonijiet diplomatiċi, kelliema għad-Dipartiment tal-Istat Amerikan qalu li fadal xorta numru ta’ kwistjonijiet li fihom l-Istati Uniti u Kuba ma jarawx għajn m’għajn.

Sadanittant, għadhom effettivi r-restrizzjonijiet għall-Amerikani li jridu jivvjaġġaw lejn Kuba. Dan waqt li għadha qed tiġi implimentata l-embargo għall-kummerċ tal-Istati Uniti fejn il-maġġoranza tal-kumpaniji Amerikani huma pprojbiti milli jagħmlu n-negozju fl-artijiet ta’ Kuba.

Min-naħa tagħha, Kuba qed issostni li l-embargo inkwistjoni qed tħalli effetti u konsegwenzi li jagħmlu ħsara kbira lill-ekonomija tagħha.