Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni vvutat b’riżerva favur il-liġi tal-finanzjament tal-partiti

Se tkun qed tevalwa s-sitwazzjoni u tieħu passi legali biex tassigura li l-anomaliji fil-liġi jiġu indirizzati

L-Oppożizzjoni vvutat fil-Parlament favur il-liġi tal-finanzjament tal-partiti b’riżerva, bil-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil jiddikjara li l-Oppożizzjoni se tkun qed tevalwa s-sitwazzjoni u tieħu passi legali biex tassigura li dawn l-anomaliji li l-Oppożizzjoni temmen li għad hemm fil-liġi, jigu indirizzati u l-partiti politiċi jigu tassew trattati b’mod ugwali mill-istat.

Qabel ma ttieħed il-vot dwar din il-liġi fit-tmiem is-seduta ta’ dalgħodu, il-Kap tal-Oppożizzjoni spjega l-pożizzjoni li kienet qed tieħu l-Oppożizzjoni dwar il-liġi li tirregola l-finanzjament tal-partiti politiċi.

Simon Busuttil spjega li l-Oppożizzjoni pparteċipat b’mod attiv fl-istadju ta’ kumitat sabiex ikollna l-aktar liġi effettiva possibbli li tiżgura livell għoli ta’ trasparenza fil-mod ta’ kif il-partiti jiġu finanzjati. Ipproponiet numru ta’ bidliet li ġew aċċettati, u bidliet oħrajn li ma ġewx aċċettati bla ġustifikazzjoni ċara minn-naħa tal-Gvern.

Diversi proposti tal-Oppożizzjoni kienu aċċettati fil-liġi
Fost il-proposta tal-Oppożizzjoni li kienu aċċettati mill-Gvern, Simon Busuttil semma li l-partiti politiċi għandhom ikunu suġġetti għal standards internazzjonali ta’ accounting u auditing; li l-partiti politiċi ma jistgħux jaċċettaw donazzjonijiet minn entitajiet li huma b’xi mod kontrollati mill-Gvern; li l-partiti politiċi ma jistgħux jaċċettaw donazzjonijiet minn entitajiet bħal Foundations, Trusts u Nominees li l-benefiċċjarju aħħari tagħhom mhux magħruf; li donazzjonijiet ta’ aktar minn €7,000 iridu jiġu pubblikati online u mhux biss mal-Kummissjoni Elettorali; u li l-limitu ta’ donazzjonijiet minn individwu wieħed għandu jinżel minn €40,000 – kif propona l-Gvern – għal €25,000, bl-Oppożizzjoni talbet li anki din tinżel aktar.

Simon Busuttil qal li minkejja li l-Oppożizzjoni kienet qed tivvuta favur, tħoss li din il-liġi setgħet tkun aħjar li kieku proposti oħra li ressqet intlaqgħu mill-Gvern, iżda ma ntlaqgħux.

Tliet proposti importanti li l-Gvern m’aċċettax
Fost l-aktar proposti li l-Gvern m’aċċettax, semma tlieta importanti. L-Oppożizzjoni riedet li jkun hemm limitu ta’ €2 miljun fuq kemm jistgħu jonfqu l-partiti politiċi f’kampanja elettorali; li r-rwol regolatorju ma jiġix fdat f’idejn il-Kummissjoni Elettorali li hija kontrollati mill-Gvern u pproponiet li r-rwol jingħata f’idejn entità tassew ħielsa mill-influwenza tal-partiti politiċi; u li tiġi indirizzata l-anomalija li għad għandna partit, il-Partit Laburista, li għandu vantaġġ finanzjarju sostanzjali permezz ta’ numru kbir ta’ propjetajiet li juża bħala każini li kien ħataf kemm mill-istat kif ukoll mill-privat fil-passat. L-Oppożizzjoni talbet li dan il-vantaġġ inġust jitneħħa u jkun hemm level playing field.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal fir-rimarki tiegħu, li din kienet liġi quddiem il-Gvern preċedenti, u li dan il-Gvern ippropona emendi fuq dak li kien hemm u ressaq f’liġi li issa qed tiġi approvata mill-Parlament flimkien ma’ liġijiet oħrajn diġà approvati tal-whistleblower u tat-tneħħija tal-preskrizzjoni fuq il-Membri Parlamentari b’rabta ma’ akkużi ta’ korruzzjoni.

Filwaqt li rrimarka li din il-liġi kien hemm ħafna qbil dwarha fuq diversi punti, qal li l-Gvern żamm mal-punt li għandha tkun il-Kummissjoni Elettorali li tkun fdata bir-responsabbiltajiet tal-liġi li tirregola l-finanzjament tal-partiti. Spjega wkoll li l-Gvern ma qabilx lanqas dwar il-limitu li għandu jkun hemm fuq l-infiq tal-partiti f’kampanja elettorali għaliex id-donazzjonijiet issa se jkunu dikjarati.

Il-Prim Ministru qal ukoll li l-Gvern ried li l-ewwel jara kif se tkun qed taħdem din il-liġi u f’każ li jkun meħtieġ ta’ aktar emendi, dan jista’ jiġi diskuss aktar ‘il quddiem.

Il-PM jgħid li l-propjetà li l-PL għandu mikrija lilu mill-Gvern mhix ta’ vantaġġ
Dwar il-propjetà mikrija lilu mill-istat u li ilu jgawdi u li ħatafha meta kien fil-Gvern, il-Prim Ministru Muscat qal li dan ma ssarrrafx f’xi vantaġġ għaliex il-Partit Laburista għamel 25 sena fl-Oppożizzjoni waqt li rrimarka li l-Partit Nazzjonalista seta’ ħa passi u m’aċċettax il-kirjiet li kien qed iħallas il-Partit Laburista.

Il-liġi dwar il-finanzjament tal-partit politiċi għaddiet mill-Parlament bir-riżerva kif spjegata mill-Kap tal-Oppożizzjoni.