Futbol Sport

Perez akkużat li ma jridx plejers suwed

L-aġent tal-gowlkiper Spanjol Iker Casillas, qal li l-President ta’ Real Madrid Florentino Perez ma jħobbx plejer suwed.

Casillas temm rabta ta’ 25 sena mal-ġganti ta’ La Liga meta ffirma kuntratt ta’ sentejn ma’ Porto, u Santos Marquez irreaġixxa b’rabja għat-tluq tal-klijent tiegħu minn Madrid.

Perez li kien kritikat bil-qawwi mill-partitarji minħabba t-tluq ta’ Casillas, qal li l-gowlkiper internazzjonali Spanjol ried jitlaq.

Imma Marquez, f’intervista mal-ġurnal AS irrisponda u sejjaħ lil Perez ‘giddieb’ waqt li sostna li l-President ta’ 68 sena biegħ lil Claude Makelele u Samuel Eto’o minħabba l-kulur tal-ġilda tagħhom.

“Ilu snin ma jgħid kelma waħda verità. Dak li jgħid hu l-verità tiegħu u dan hu l-istess bħal min jippriedka. Keċċa l-aħjar plejers li qatt kellu. Jaħseb li hu l-alla ta’ Madrid imma qed joħloq biss problemi u tensjoni.

“Dawk it-tours f’distanzi daqstant twal huma biss ġennati u l-plejers ibatu ħafna fihom… Qabel ħadd ma kien jitkellem fuq kortesija u edukazzjoni u issa, ħadd ma jitkellem għaliex għamilhom skjavi.

“Argumentajt miegħu anke fuq Eto’o. Samuel kien galactico daqs kemm kien Luis Figo. Telaq minħabba l-kulur tal-ġilda.”

Imma Marquez ma waqafx hawn u żied jgħid li l-internazzjonali ta’ Wales Gareth Bale jirċievi trattament preferenzjali mingħand Perez.

“Il-plejers kollha jafu min huma u anke l-kowċ. L-uniku konfront li kellu ma’ Carlo Ancelotti kien dwar Bale. Jaħseb li Bale hu l-aqwa fid-dinja.

“Ma jafx kif għandu jieħu ħsieb lir-rebbieħ tal-Ballon d’Or Cristiano Ronaldo li diġà għandu fl-iskwadra. Bale se jilgħab fejn irid. Ieħor hu Karim Benzema. Ħeles minn Gonzalo Higuain, Angel Di Maria, Vicente Del Bosque… ħadd minnhom ma kien ħażin. Del Bosque rebaħ dak kollu li kien hemm x’tirbaħ imma ġralu bħali. M’aħniex persuni li noqgħodu nħarsu.

“Allura Florentino ġab lid-dħuli Carlos Queiroz li kien għoddu rrovina t-tim.”