Lokali

Ritratti: Periklu għall-passiġġieri tal-Gozo Channel; jużaw ir-rampa flok il-terminal

Persuni li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com staqsew x’inhi r-raġuni li l-Gozo Channel, għal darb’oħra, għażel li ma jużax it-terminal taċ-Ċirkewwa iżda minflok itella’ lin-nies mir-rampa tal-vapur.

Dan minkejja li l-proġett tat-terminal kien sar propju biex ineħħi l-periklu għall-passiġġieri meta jkunu qed jimbarkaw fuq il-vapuri tal-Gozo Channel.

MaltaRightNow.com irċieva dawn ir-ritratti (fuq u taħt) li ttieħdu nhar il-Ħamis li għadda, meta jirriżulta li l-kumpanija Gozo Channel kienet kostretta li tuża r-rampa minflok it-terminal għall-passiġġieri peress li s-servizz kien tard.

Dan il-vapur partikolari li jidher fir-ritratt, nhar il-Ħamis li għadda kellu jitlaq fis-7.30, madanakollu s-servizz kien tard u spiċċa biex telaq fit-tmienja.

L-aħħar darba li kien seħħ każ simili, fejn passiġġieri kienu qed jintalbu jiżbarkaw mir-rampa, dan is-sit kien bagħat mistoqsijiet lill-Gozo Channel, madanakollu MaltaRightNow.com kien baqa’ mingħajr risposta.

Dwar dan l-iktar każ riċenti ta’ użu ta’ rampa għall-passiġġiera flok it-terminal, MaltaRightNow.com bagħat mistoqsijiet lill-Gozo Channel, pero’ s’issa ma rċevejna l-ebda risposta.

gozo channel line rampa passiggieri