Spanja rebħu t-titlu Ewropew U/19 għas-seba’ darba f’14-il sena meta għelbu lir-Russja 2-0 fil-final fil-Greċja b’wirja mill-aqwa.
Borja Mayoral fetaħ l-iskor eżatt qabel il-mistrieħ u s-sostitut Matias Nahuel żied ieħor u aċċerta dan is-suċċess aktar tard fil-partita.
L-Ispanjoli li kienu megħluba 3-1 mill-istess Russja fit-tieni jum ta’ kompetizzjoni dehru determinati mill-bidu li din id-darba jkunu huma li joħorġu rebbieħa.
Huma ddominaw l-ewwel taqsima u kienu mċaħħda diversi drabi mill-gowlkiper Anton Mitryushkin jew mil-lasta.
Finalment qabel il-mistrieħ Ceballos xeħet lejn Borja li wara ġirja mal-lemin xeħet lejn Asensio li kellu xutt imxellef mill-gowlkiper mal-mimduda u mir-rebound Mayoral bir-ras xeħet ġewwa.
It-tieni taqsima kienet aktar bilanċjata imma l-Ispanjoli aċċertaw mir-rekord tas-seba’ titlu fil-kategorija 12-il minuta mit-tmiem meta reġa’ kien Asensio li żmarka lis-sostitut Nahuel li ħarab waħdu u skorja.
B’hekk ir-Russja fallew milli jsiru l-ewwel tim li jirbaħ l-U/17 u l-U/19. Mayoral rebaħ l-unur bħala l-aqwa skorer.
//= $special ?>

