Aġġornata
Ġermaniż ta’ 55 sena weġġa’ meta ntlaqat minn karozza li kienet qed issuq fi Triq Dawret il-Gżejjer f’Buġibba. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1.30 ta’ waranofsinhar, meta ntlaqat mill-karozza li kienet qed tinstaq minn mara mill-Polonja.
MaltaRightNow.com jinsab infurmat li għal xi raġuni, l-mara tilfet il-kontroll tal-vettura tagħha tat-tip Peugeot 107 u baqgħet dieħla f’arblu fil-ġenb tat-triq. Il-mara ta’ 38 sena kellha magħha passiġġier; raġel mill-Polonja wkoll.
Għad mhux magħruf jekk ir-raġel ittajjarx mill-vettura meta din ħabtet mal-arblu, jew inkella jekk il-Ġermaniż provax jiżgiċċa l-karozza iżda spiċċa waqa’ fuqha bil-konsegwenza li weġġa’. Il-Ġermaniż kien fil-kumpanija ta’ mara ta’ nazzjonalità Ġermaniża.
Il-Ġermaniż kellu jittieħed l-isptar Mater Dei għall-kura.
//= $special ?>