Filwaqt li lbieraħ ġie kkonfermat kif Evarist Bartolo se jibqa’ mniżżel fl-istorja bħala l-Ministru li baxxa l-istandards tal-edukazzjoni, issa jrid iwaqqaf lill-Oppożizzjoni milli tagħmel il-mistoqsijiet.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Bikrija George Pullicino qal dan fi stqarrija b’referenza għar-reazzjoni tal-Ministru Evarist Bartolo llum wara nofsinhar li hija waħda li ma tagħmilx ġieħ lill-Ministru tal-Edukazzjoni.
L-istqarrija tfakkar li fil-Parlament, ilbieraħ, l-Oppożizzjoni għamlet mistoqsijiet leġittimi dwar it-tmexxija tal-MCAST, b’mod speċjali dwar kif il-Gvern wassal biex jiddeċiedi li l-MCAST jakkredita lilu nnifsu fil-livell 7, jiġifieri fi programm ta’ Masters u Post-Grad Diploma, u ma jkunx akkreditat minn istituzzjoni indipendenti.
Fost l-oħrajn l-Oppożizzjoni staqsiet minn fejn oriġinat din il-proposta u jekk kienx l-MCAST stess li talab dan l-istatus. Jekk iva, l-Oppożizzjoni staqsiet xi studju sar u jekk dan l-istudju jistax jitqiegħed fuq il-mejda tal-kamra.
L-Oppożizzjoni staqsiet ukoll jekk il-Kummissjoni għamlet xi rakkomandazzjoni fuq il-bażi ta’ xi proposta jew studju dwar din id-deċiżjoni u talbet ukoll li dawn ir-rakkomandazzjonijiet ikunu ppreżentati.
Mistoqsijiet oħra li għamlet l-Oppożizzjoni kienet jekk il-Ministru vverifikax li l-MCAST għandux l-istrutturi u l-profil akkademiku meħtieġ għal din l-awto-akkreditazzjoni u x’miżuri ħa l-MCAST biex ikun fl-aħjar pożizzjoni biex ikun jista’ jakkredita lilu nnifsu għal programmi fil-livell ta’ Masters u Post-Grad Diploma.
L-istqarrija tisħaq li dawn huma mistoqsijiet leġittimi li l-Oppożizzjoni kellha u għandha d-dritt li tagħmel biex tassigura li l-MCAST ukoll iżomm il-livell tal-aqwa’ kwalità li kien maħsub għaliha u li lkoll nixtiequ. “Żgur li l-Partit Nazzjonalista, kuntrarju għal dak allegat minn Evarist Bartolo, ma jattakkax l-istituzzjoni tal-MCAST li wellidha darbtejn” tkompli tgħid l-istqarrija.
Huwa kkundannabbli l-fatt li l-Ministru tal-Edukazzjoni pprova juża istituzzjoni edukattiva tal-Gvern biex jattakka l-Oppożizzjoni. Issa saret il-prassi għal dan il-Gvern li meta jsirulu l-mistoqsijiet, jinfexx jattakka lill-Oppożizzjoni, ittemm tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>

