CHAMPIONS LEAGUE: Iċ-Champions Maltin Hibernians illum fit-7.30 ta’ filgħaxija se jkunu qed jilagħbu t-tieni leg tat-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League kontra ċ-Champions ta’ Iżrael Maccabi Tel Aviv. Il-Pawlisti se jibdew b’vantaġġ prezzjuż ta’ 2-1 miksub il-ġimgħa l-oħra f’Kordin.
Il-mira tal-kowċ Branco Nisevic u l-uffiċjali kollha Pawlisti hi li t-tim jirrepeti l-wirja mpressjonanti li kellu l-ġimgħa l-oħra għaliex l-iskwadra kollha hi konxja li dan mhux impossibli u jistgħu jkunu huma li jgħaddu biex jiltaqgħu kontra Viktoria Plzen tar-Repubblika Ċeka fit-tielet round.
Din il-ħimgħa f’Raħal Ġdid se tkun ċelebrata l-Festa ta’ Kristu Re u żgur li m’hemmx mod isbaħ kif il-plejers jistgħu jiċċelebraw din il-festa u jagħtu rigal mill-aqwa tal-festa lill-partitarji numerużi tagħhom.
Il-midfielder żagħżugħ Bjorn Kristensen qal li jafu li se jilagħbu kontra tim tajjeb imma jafu wkoll li anke huma għandhom skwadra tajba u se jkunu qed jagħtu kollox biex jibqgħu jżommu dak il-vantaġġ prezzjuż li kisbu f’Kordin.
“Se jkun importanti ħafna li ma naqilgħux gowl kmieni fil-partita għaliex jista’ jtellfilna l-konċentrazzjoni kollha u jpoġġina taħt pressjoni,” qal Kristensen.
Nisevic, li m’għandux problemi ta’ injuries, mhux mistenni jagħmel wisq tibdil mit-tim li beda bih il-ġimgħa l-oħra u l-pjan tiegħu se jkun dak li jipprova jwaqqaf lil Maccabi milli jaħarbu mal-linji fejn jistgħu jkunu ta’ periklu bil-krossijiet tagħhom.
L-istess Nisevic stqarr li t-tim tiegħu se jkun qed jadotta pjan difensiv u dan ifisser li Maccabi se jkunu qed jiddettaw il-partita bil-logħba ta’ pussess, speċjalment quddiem il-pubbliku tagħhom stess. Madankollu m’eskludiex il-fatt li t-tim tiegħu se jkun lest biex jisfrutta l-kontra-attakk u l-ispazji vojta li jistgħu jħallu Maccabi.
“Nitlob u konvint, li l-plejers se jagħtu l-massimu tagħhom f’din il-logħba. L-importanti li nerġgħu nkunu dixxilplinati u konċernati u mbagħad jiġri li għandu jiġri. Xorta waħda kburi b’dawn il-plejers,” qal Nisevic.
Intant f’Iżrael il-partitarji ta’ Maccabi jidhru kunfidenti li t-tim tagħhom se jkun qed jiskorja mqar gowl wieħed u rebħa 1-0 għalihom tkun biżżejjed biex ikunu huma li jtemmu l-ħolma ta’ Hibernians u jgħaddu għat-tielet round bir-regola tal-gowl away. Jekk dan ma jseħħx u jkunu Hibernians li javanzaw, ikun ifisser disfatta enormi għal Maccabi li fl-aħħar tliet snin rebħu kull unur li kien hemm x’jintrebaħ f’Iżrael u ddominaw fuq kulħadd.
//= $special ?>

