Internazzjonali

Identifikat l-aggressur suwiċida suspettat fil-massakru ta’ Suruc

Il-Prim Ministru tat-Turkija, Ahmet Davutoglu, qal li l-awtoritajiet ta’ pajjiżu identifikaw is-suspettat b’konnessjoni mal-attakk suwiċida talbieraħ li qatel 32 attivist żagħżugħ f’ċentru kulturali fil-belt ta’ Suruc, qrib il-fruntiera tas-Sirja.

Davutoglu, li kellu jżur l-inħawi ta’ Suruc fejn seħħet l-isplużjoni tal-bomba, ma pprovdiex wisq dettalji iżda sostna li r-rabtiet domestiċi u internazzjonali tas-suspettat qed ikunu investigati.

Il-Prim Ministru Tork semma wkoll il-probabbiltà kbira li l-grupp ISIS jaħti għall-attakk u kompla li l-Gvern tat-Turkija issa qed jimpenja ruħu biex iżid is-sigurtà fiz-zoni tal-pajjiż li jmissu mal-fruntiera Sirjana. Fil-fatt, il-Kabinett Tork se jiltaqa’ għada biex jevalwa l-miżuri tas-sigurtà addizzjonali ma’ din il-fruntiera.

Il-ġiħadisti tal-ISIS, s’issa, ma weġbux għad-diskors dwar ir-responsabbiltà tagħhom fl-istraġi ta’ Suruc.

Il-funerali ta’ wħud mill-vittmi diġà saru, iżda ħafna qraba ta’ attivisti oħra għadhom qed jistennew l-aħbar dwar l-għeżież tagħhom. Dan meta xi 30 fost il-100 li sfaw midruba fl-attakk tat-Tnejn għadhom rikoverati l-isptar.

L-attivisti żgħażagħ, fosthom studenti universitarji, li tilfu ħajjithom nhar it-Tnejn kienu qed jorganizzaw konferenza tal-aħbarijiet meta l-isplużjoni tal-bomba straxxnat iċ-Ċentru Kulturali ta’ Amara fejn kienu qed jiltaqgħu. Dawn l-attivisti kienu qed jippjanaw biex jaqsmu għal Kobane, fis-Sirja, biex jgħinu fil-bini mill-ġdid ta’ din il-belt li ilha x-xhur isservi ta’ ċentru għall-battalji.

L-uffiċjali, għall-bidu, issuġġerew li l-aggressur suwiċida f’Suruc kienet, fil-fatt, mara, iżda lbieraħ diversi entitajiet tal-istampa kienu qed jirreferu għal raġel b’konnessjoni mal-attakk.

Fil-belt ta’ Suruc qed jgħixu ħafna refuġjati li kienu ħarbu mill-ġlied aħrax bejn il-qawwiet tal-ISIS u l-ġellieda Kurdi, fl-inħawi ta’ Kobane, li l-Kurdi kienu ħatfu lura lill-ISIS aktar kmieni din is-sena.