Internazzjonali

Il-Greċja x’aktarx li jonqosha ftit ġimgħat għall-bailout

Il-Greċja mistennija tikkonkludi t-taħditiet dwar il-bailout mal-kredituri internazzjonali sal-20 ta’ Awwissu u ladarba l-Parlament Grieg, għada, japprova t-tieni pakkett ta’ miżuri li qed jinsistu dwarhom il-kredituri.

Il-Prim Ministru Grieg, Alexis Tsipras, diġà kellu jiffaċċja ħafna diżgwid u reżistenza fi ħdan il-Partit Syriza (fil-Gvern) minħabba t-taħlita ta’ żidiet fit-taxxa u t-tnaqqis fl-infiq tal-Gvern li riedu l-kredituri. Iżda hu mistenni li dan il-pakkett jgħaddi mill-Parlament ta’ Ateni bis-saħħa tal-appoġġ tal-partiti Griegi fl-Oppożizzjoni li huma favur l-Unjoni Ewropea.

Tsipras hu determinat li jikkonkludi l-ftehim għall-bailout biex il-Greċja ddaħħal mas-86 biljun ewro f’self ġdid biex issaħħaħ il-finanzi li ilhom żmien f’xifer l-irdum. Is-self għandu jbiegħed it-theddida li l-Greċja tispiċċa barra mill-ewro.

Il-vot ta’ għada fil-Parlament Grieg isegwi l-ewwel vot, tal-ġimgħa l-oħra, rigward l-hekk imsejħa ‘azzjonijiet preċedenti’ min-naħa tal-Greċja bħala kundizzjoni biex isiru t-taħditiet sħaħ dwar il-bailout.

Sadanittant, uffiċjali tal-istituzzjonijiet – il-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) u l-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) – li qed iservu bħala kredituri tal-Greċja, għandhom jiltaqgħu nhar il-Ġimgħa, f’Ateni, għal laqgħat mal-Gvern ta’ Tsipras.