Lokali Qorti

Il-każ tat-tifla li kienet mġiegħla tigdeb fuq missierha : Miċħud l-appell tal-Avukat Ġenerali

L-Imħallef Antonio Mizzi warrab l-appell li sarlu mill-Avukat Ġenerali dwar is-sentenza li ngħatat fil-konfront ta’ Leanne Camilleri, it-tfajla li l-ewwel qalet li kienet abbużata minn missierha u mbagħad qalet li dan ma kienx minnu.

Camilleri, li għandha 21 sena, kienet ammettiet fil-Qorti tal-Maġistrati li gidbet fuq missierha Emanuel u li xehdet falz dwaru.

Fit-18 ta’ Settembru 2014 hija nstabet ħatja u tpoġġiet taħt ordni ta’ probation għal tliet snin, b’obbligu li tagħmel 100 siegħa servizz fil-kommunità. Hi ngħatat ukoll interdizzjoni għal perjodu ta’ 10 snin.

L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kien appella mis-sentenza fejn qal li f’dan il-każ il-Qorti tal-Maġistrati qatt ma kellha taċċetta l-ammissjoni mingħajr ma tisma l-provi. Min-naħa tagħha, l-Avukat Maxilene Pace – li dehret għat-tfajla – irribattiet billi saħqet li l-ammissjoni ta’ Camilleri ma kienet ikkundizzjonata minn xejn.

Wara li sema liż-żewġ naħat, l-Imħallef Mizzi rrimarka li huwa kien sorpriż ħafna bil-mod kif l-Avukat Ġenerali ressaq l-appell u sostna li l-Qorti tal-Maġistrati kienet ferm kawta meta aċċettat l-ammissjoni tat-tfajla.

Iċ-ċaħda tal-appell tal-Avukat Ġenerali tfisser li issa l-prosekuzzjoni li qed tmexxi l-każ fil-konfront ta’ Lisa May Camilleri, omm Leanne, tista’ tressaq lill-bint bħala xhud peress li l-proċeduri legali kontriha huma mitmuma.