Ir-relazzjoni bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Gvern Ċiniż kompliet tissaħħaħ il-ġimgħa li għaddiet biż-żjara tad-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fiċ-Ċina, mmexxija mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil. Minn din il-laqgħa ħareġ ċar li l-Gvern Ċiniż irid li jkompli jaħdem mal-Partit Nazzjonalista u viċi versa – l-importanti li r-relazzjoni tkun mibnija fuq il-fiduċja, l-onesta’ u t-trasparenza.
F’laqgħa informali mal-ġurnalisti, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil tkellem fid-dettall dwar iż-żjara tal-ġimgħa li għaddiet fiċ-Ċina. Il-Kap Simon Busuttil ta’ rendikont tal-laqgħat kollha li kellu fiċ-Ċina u dak li kien diskuss.
Il-Kap tal-PN qal li fost iż-żjarat, kellu laqgħat mat-tmexxija tal-Kumpanija Cosco, l-ikbar kumpanija tat-trasport fiċ-Ċina u ma’ Shangai Electric, il-kumpanija li xtrat il-powerstation ta’ Dellimara.
Dwar il-laqgħa mal-kumpanija Shangai Electric, il-Kap tal-PN qal li f’laqgħa ta’ siegħa, l-Oppożizzjoni ngħatat aktar informazzjoni minn kemm ta l-Gvern f’dawn l-aħħar sentejn. Sostna li fil-laqgha ma’ Shangai electric, sar magħruf li l-kumpanija m’għandha l-ebda oġġezzjoni li l-Gvern ikun ċar u miftuħ dwar il-ftehim, ftehim li l-Gvern Malti ghadu qed jrrifjuta li jippubblika.
Dwar il-laqgha mal-Mara tal-Ministru Konrad Mizzi, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil reġa’ ddeskriva din il-laqgħa bħala “bizarre”. Sostna li fil-laqgħa mal-mara tal-Ministru, hu mill-ewwel qalilha bl-oġġezzjoni tiegħu u li “mhux aċċettabbli li mara ta’ Ministru tingħata ħatra pubblika.” Il-Kap tal-PN qal li bhala Prim Ministru hu ma jappuntax mara ta’ Ministru f’ħatra pubblika. Il-Kap Simon Busuttil, lill-mara tal-Ministru qalilha wkoll li l-paga ta’ 13,000 ewro fix-xahar hija esaġerata u meta talabha biex tidentifika x-xogħol li għamlet s’issa, hi semmiet biss żewġ proġetti.
Il-Kap tal-PN qal li wara din il-laqgħa ġie għal konklużjoni li Sai Mizzi mhux biss m’ghandux ikollha dik il-kariga pubblika bħala mara ta’ ministru, u mhux biss mgħandix tingħata 13,000 ewro fix-xahar, iżda li l-mara tal-Ministru mhijiex “fit for the job”.
Il-Kap tal-PN qal li preżenti għal din l-istess laqgħa, li tela’ apposta minn Malta kien hemm il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Ministru Chris Cardona, Johnathan Attard.
Dwar il-kummenti li għadda il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru Kurt Farrugia fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni wara l-laqgħa mal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi, Simon Busuttil qal li hu bhala Prim Ministru, kien ikeċċi dak il-ħin stess lil kap tal-komunikazzjoni kieku għadda dawk il-kummenti.
Dwar il-laqgħa li kellu mal-Viċi Ministru fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Wang Chao, Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega kif matul l-aħħar 30 sena, filwaqt li f’Malta saru bosta bidliet, fosthom is-sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea, r-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u ċ-Ċina ssaħħu. Hu sostna li fl-aħħar leġiżlatura, taħt Gvern Nazzjonalista, ġew iffirmati 13-il ftehim bejn Malta u ċ-Ċina, sinjal ċar li l-Partit Nazzjonalista huwa kburi bir-relazzjonijiet li jeżistu bejn Malta u ċ-Ċina.
Il-Kap tal-PN fil-laqgha tieghu mal-gurnalisti spjega kif fil-laqgħat kollha li kellu, ġie mfaħħar ir-rwol ta’ Malta fil-kriżi tal-Libja tal-2011, b’mod speċjali għall-għajnuna fis-salvataġġ ta’ 5,000 Ċiniż u Ċiniża mil-Libja, li ħafna minnhom kienu impjegati tal-Gvern Ċiniż.
//= $special ?>