Internazzjonali

Jiddefendi l-ftehim nukleari bejn l-Iran u l-qawwiet tad-dinja

Il-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, Mohammad Javad Zarif, illum iddefenda l-ftehim nukleari bejn l-Iran u l-potenzi tad-dinja bħala wieħed ibbilanċjat u sostna li kien hemm ħtieġa li l-pajjiż jaċċetta n-negozjati biex jintlaħaq kompromess.

Javad Zarif għamel diskors fil-Parlament ta’ Tehran fejn enfasizza li l-ftehim, li ntlaħaq il-ġimgħa l-oħra mal-potenzi, għandu jaċċerta t-tneħħija, fix-xhur li ġejjin, tas-sanzjonijiet li l-Punent u n-Nazzjonijiet Uniti kienu imponew fuq l-Iran minħabba l-programm nukleari tiegħu.

Dan il-Ministru, li mexxa n-negozjati għan-nom ta’ pajjiżu, kien fuq fomm kulħadd waqt iċ-ċelebrazzjonijiet fit-toroq li kienu saru f’Tehran ladarba l-ftehim storiku tħabbar bħal-lum ġimgħa. Madankollu ma jidhrux konvinti mill-ftehim l-aktar membri konservattivi tal-Parlament Iranjan.

L-Iran, intant, qabel li jrażżan l-attivitajiet nukleari għal perijodu ta’ mill-anqas għaxar snin iżda mistenni jkompli jirraffina l-uranju. Mistenni wkoll li l-Iran jitħalla jippersisti bir-riċerka u l-iżvilupp ta’ teknoloġija nukleari aktar moderna.

Intant, il-ftehim li ntlaħaq u r-restrizzjonijiet, li jinkludu programm ta’ spezzjonijiet aktar riġidu fl-artijiet tal-Iran, huma intiżi biex iserrħu ras il-Punent li l-Iran mhux qed jipprova jipproduċi bomba atomika.