Joseph Muscat ma messux ġab ruħu kif ġab u ma jistax jippretendi li jista’ jikkontrolla lill-media dwar kif tagħmel xogħolha. Darb’oħra messu ġab ruħu b’mod differenti. Kieku ma riedx ġurnalisti jistaqsu l-mistoqsijiet lill-mara tal-ministru – allura messu ta struzzjonijiet biex Sai Mizzi ma tilgħabiex tal-‘hard to get’.
Kien dan il-messaġġ tal-editorjal tal-ġurnal Times of Malta li tkellem dwar il-mod kif Joseph Muscat ġab ruħu fil-konfront tal-ġurnalist ta’ MaltaRightNow.com li dakinhar li tħabbar il-ftehim mal-kumpanija Ċiniza Huawei, kien staqsa mistoqsijiet dwar Sai Mizzi. Attitudni li ġiet deskritta minn The Times bħala waħda b’arja t’arroganza.
L-editorjal, intitolat ‘When an envoy plays hard to get’ hu b’referenza diretta għall-fatt li hu ovvju li l-ġurnalisti kienu se jistaqsu l-mistoqsijiet wara li l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi ma dehret imkien, filwaqt li qed titħallas €13,000 fix-xahar. Iżda għal Muscat, il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti huma stupidi.
Dakinhar, Muscat saħansitra ma ħalliex lil Sai Mizzi twieġeb il-mistoqsijiet u beda jinterrompi u jwaqqafha milli twieġeb.
L-editorjal jgħid li l-media riedu jistaqsu biex tkun tista’ tiġġudika fuq dak li wettqet Sai Mizzi. Kif filfatt, qalet hi stess li l-media għandha tagħmel.
L-editorjal itemm jgħid li bl-istess mod kif hemm provebju biċ-Ċiniz, hemm ukoll wieħed bl-Ingliż li jgħid: “the proof of the pudding is in the eating” u li Joseph Muscat donnu jaħseb li l-ippakkeġġjar hu biżżejjed.
//= $special ?>

