Ir-residenti tas-Swieqi t-Tlieta wara nofsinhar ħadu sehem f’mixja silenzjuża bl-għan li jwasslu messaġġ u jappellaw lill-awtoritajiet biex ma jinjorawx is-sitwazzjoni li għaddejjin minnha.
Fost dak li kellhom jaffaċċjaw fl-aħħar ġimgħat, ir-residenti tas-Swieqi sofrew ħsara fil-propjetajiet u vetturi tagħhom, vandaliżmu minn persuni fis-sakra u storju matul is-sigħat bikrin ta’ filgħodu.
Fil-protesta ħa sehem anke’ l-kunsillier tal-Partit Nazzjonalista fis-Swieqi Mauro Miceli, filwaqt li dawk li attendew ġew milqugħa mis-Sindku Noel Muscat u l-Viċi Sindku Justin Fenech fil-bini tal-Kunsill Lokali.
Preżenti wkoll id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo, Kristy Debono u Marthese Portelli. Sfortunatament l-ebda Deputat tal-Gvern jew kunsilliera tal-Partit Laburista ma ħadu sehem.
Fi tmiem il-protesta, li bdiet minn Triq is-Swieqi sa’ ħdejn il-Kunsill Lokali, il-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista u Deputati tal-Oppożizzjoni wegħdu lir-residenti li kif għamlu fl-aħħar xhur, se jkomplu jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern biex jieħu azzjoni u jgħin lir-residenti tas-Swieqi.
Issemmew ukoll erba’ punti li permezz tagħhom ir-residenti jaħsbu li tista’ titjieb is-sigurta’ fil-lokal.
Fl-aħħar ġimgħat il-Kunsill Lokali tas-Swieqi ltaqa’ bl-għan li jitnaqqas l-inkonvenjent u tittieħed azzjoni kontra dawk li jiksru l-liġi.
Il-ħidma tal-Kunsill wasslet biex issa l-għassa tal-lokal se jibda jkollha tliet uffiċjali stazzjonatibl-għan li meta uffiċjal joħroġ fuq ronda, l-għassa ma tingħalaqx. Filgħaxija l-ammont ta’ uffiċjali żdied minn wieħed għal tnejn bid-Deputat Kummissarju jwiegħed li jżid l-ammont meta possibbli.
Il-Pulizija se jibdew jikkoperaw iktar mar-residenti li għandhom kameras tas-sigurta’ biex jinqabdu persuni li jkunu ta’ inkonvenjent jew iwettqu atti ta’ vandaliżmu. minn naħa tiegħu l-Kunsill Lokali se jiddiskuti l-possibilta’ li jixtri kameras tas-sigurta’ u jiżdiedu t-tabelli biex jinqabdu persuni li jiksru r-regoli tat-traffiku jew jarmu l-iskart meta mhux suppost.
Il-Kunsill Lokali wiegħed li se jkompli jippersisti biex il-madliena taqa’ taħt ir-responsabbilta’ tal-għassa fis-Swieqi, u mhux tan-Naxxar.
//= $special ?>