Internazzjonali

Qatgħulha rasha għax ħasbuha saħħara

Residenti ta’ villaġġ fl-Istat Indjan ta’ Assam qatgħu ras anzjana akkużata li kienet tipprattika r-ritwali tas-sħaħar.

L-istess residenti kienu konvinti li l-anzjana ta’ 63 sena kienet ‘il-kaġun’ għal epidemija ta’ mard li nfirxet f’residenza għall-membri ta’ tribù partikulari. Intant, spiċċaw arrestati diversi nies, fosthom żewġ nisa, b’konnessjoni mal-qtil barbaru ta’ din il-mara.

Il-Pulizija f’Assam jgħidu li fl-aħħar sitt snin, madwar 90 persuna, fil-parti l-kbira nisa, għaddew mill-istess destin ta’ din il-mara, inħarqu ħajjin jew sfaw imbiċċra bis-skieken wara li spiċċaw ittimbrati bħala sħaħar. Jidher ukoll li saret ‘drawwa’, f’Assam, biex in-nisa fost il-komunitajiet tat-tribù u l-ħaddiema li jaqtgħu l-weraq tat-te jkunu akkużati bħala sħaħar.

L-aħħar rapporti mill-villaġġ, fid-distrett ta’ Sonitpur, fejn saret l-aħħar atroċità, qalu li r-residenti kienu qed jimirdu u wħud waħħlu fl-anzjana. L-awtoritajiet spjegaw li minn dak il-ħin kienet biss kwistjoni ta’ żmien sakemm il-mara spiċċat akkużata u maqtula taħt idejn ir-residenti.