Il-ġurnalisti ma jistax ikollhom trattament ‘il fuq mill-liġi. Hekk intqal mill-Kamra tal-Avukati fi stqarrija maħruġa b’referenza ghall-editorjal tas-Sunday Times of Malta, rigward l-mandat ta’ sekwestru eżekuttiv fil-konfront tal-Editor-in-Chief u Kap tal-Aħbarijiet tat-Times.
Il-Kamra fakkret illi l-fatt li qed jiġi diskuss hu illi l-Qorti tal-Appell, f’kawża ta’ libell ppreżentata minn erbgħa uffiċjali tal-MUMN fil-konfront tal-Editor-in-Chief u l-Kap tal-Aħbarijiet tat-Times of Malta, ddeċidiet illi dawn l-erbgħa ufficjali tal-MUMN ghandhom jitħallsu d-danni.
L-imsemmi editorjal, esprima dizapprovazzjoni ghas-sentenzi li nghataw kemm mill-Qorti tal-Maġistrati u anke mill-Qorti tal-Appell.
Il-Kamra tal-Avukati qalet li din r-rejazzjoni u l-fatt li din s-sitwazzjoni qegħda tiġi meqjusa bħala “vindictive act on us (journalists)” turi ċertu sens ta’ paranojja u atteġjament ħażin illi ġurnalisti għandhom ikollhom trattament preferenzjali u li huma ‘l fuq mill-liġi.
Il-Kamra temmen kemm fil-importanza tar-rwol li għandu jkollu xandir ħieles f’demokrazija u kemm fil-indipendenza u imparzjalita tal-ġudikatura bħala wieħed mill-pilastri fundamentali ta’ socjeta’ fondata fuq il-ligi – u proprju minhabba f’hekk għandha turi d-disapprovazzjoni tagħha meta f’isem d-dritt tal-espressjoni, gazzetta tipprova tinflwenza l-opinjoni pubblika u bl-aġir tagħha tipprova taħrab mill-obbligu illi tħallas l-ammont dovut.
Dan mhuwiex agir xieraq f’demokrazija u l-insinwazzjonijiet maghmula fil-konfront tal-Magistrat kkonċernat, huma abbuż tal-poter illi l-gazzetta tgawdi u qed timmina inġustament l-fiduċja tas-soċjeta’ fil-ġudikatura.
STQARRIJA MINN THE TIMES
Intant, fi stqarrija The Times qalet illi ma tistax tifhem kif il-Kamra tal-Avukati għażlet li tindaħal f’din il-kwistjoni. “Aħna niddeploraw dan l-indħil”, sostna l-editur Steve Mallia, aktar u aktar meta wieħed irid iqis li din hija kwistjoni bejn it-Times u l-MUMN.
It-Times qalet ukoll illi aħjar il-Kamra tal-Avukati tħares fil-mera qabel titkellem fuq paranojja. L-istqarrija tippreċiża l-fatt li l-gazzetta talbet biss li jkun hemm deċiżjoni mill-Qorti Kostituzzjonali qabel ikun hemm il-ħlas li qed jintalab mill-MUMN.