Il-Korp tal-Pulizija b’nuqqas ta’ faċilitajiet
Il-Korp tal-Pulizija qiegħed ikompli jesperjenza telqa u frustrazzjoni dovuta għal diversi raġunijiet, l-aktar għaliex illum l-istess Korp irrenda ruħu bla flus u għalhekk ma jistax jagħmel lanqas l-aktar affarijiet bażiċi mistennija minnu.
Fi storja ppubblikata fil-ġurnal in-nazzjon ntqal li bil-patt tal-kunfidenzjalità, uffiċjali fissru li l-Korp tal-Pulizija llum għandu jdejh marbutin minħabba nuqqas serju ta’ finanzi. Tant hi kbira din il-problema tan-nuqqas ta’ finanzi li diversi drabi membri jkunu ridotti għal sitwazzjonijiet redikoli jew tad-daħk meta saħansitra jmorru għal xi partijiet mill-uniformi u jingħadilhom li ma hemmx, spiċċaw jew inkella jintalbu jaraw kif jistgħu jiddubbaw bl-uniformi l-antika.
Imma agħar minn hekk is-sitwazzjoni qed tkompli ssir tat-tħassib anki f’ċerti taqsimiet speċjalizzati, fosthom dik tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga fejn minħabba nuqqas ta’ finanzi, il-membri mhux jitħallew jagħmlu sahra u dan qed iħalli impatt negattiv fuq ix-xogħol tal-istess Skwadra.
Sorsi minn ħdan l-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga qalu lill-ġurnal in-nazzjon li mhux biss mhux jitħallew jagħmlu sahra għaliex flus ma hemmx, iżda talli tinbeda biċċa xogħol u ma tkunx tista’ titkompla kif wieħed jixtieq minħabba li l-akbar għadu f’sitwazzjonijiet bħal dawn hu l-ħin. Każ tipiku hu s-sejba għal darba, darbtejn ta’ borża kbira bir- raża tal-kannabis li saret fi spazju ta’ ftit jiem ’il bogħod minn xulxin, l-ewwel fl-inħawi tal-Bajja tax-Xwejni f’Għawdex u mbagħad fl-inħawi taż-Żonqor.
Taqsima oħra li qed tbati ħafna min-nuqqas ta’ flus hi dik tal-Mobile. Illum il-ġurnata naqsu sew mit-toroq il-karozzi tal-Mobile u dan minħabba r-raġuni li fil-Garaxx tal-Pulizija fil-Furjana hemm wieqfa għadd ġmielu ta’ karozzi li qed jistennew biex jissewwew. Jidher li ma hemmx finanzi biex dawn jissewwew minnufih u għalhekk qed jinqabdu fil-Garaxx tal-Pulizija bir-riżultat li t-toroq tagħna qed ikunu sorveljati ferm u ferm inqas.
Aktar dettalji fil-ġurnal in-nazzjon.
//= $special ?>

