Mara li dalgħodu kienet abbord tal-linja li kienet ġejja minn Birżebbuġa ħassha ħażin minħabba s-sħana li kien hemm fuq tal-linja. Dan il-każ hu biss wieħed minn sensiela ta’ lmenti li waslu għand MaltaRightNow.com dwar karozzi tal-linja mingħajr arja kundizzjonata, li iżda qed joperaw fuq ir-rotot xorta waħda.
Minbarra din il-problema, numru kbir ta’ karozzi tal-linja qed jieqfu ta’ kuljum u dan qed iwassal biex il-kumpanija ma tagħmilx servizz lis-sistema tal-arja kundizzjonata minħabba li ma tiflaħx toħroġ aktar karozzi mir-rotot.
Filfatt, f’Beltissebħ fil-Furjana qed jidħlu ta’ kuljum numru sostanzjali ta’ karozzi tal-linja weqfin għal xi raġuni jew oħra. Dalgħodu stess, persuni li kienu qed jistennew tal-linja tal-11am fuq ir-rotta 52 qattgħu siegħa fil-venda għax ġew infurmati li l-karozza tal-linja waqfet nofs triq u m’hemmx oħra biex tinbidel.
Fil-venda ltqajna wkoll ma’ xufiera, li spjegawlna li kien imisshom jagħmlu xi vjaġġ iżda qabżuh għax ma kienx hemm vetturi xi jsuqu. Xufier minnhom ilmenta li lanqas biss għandhom fejn jistkennu u jkollhom ipoġġu taħt is-sur għal ftit dell biex jieħdu l-break.
(Ritratt: mill-Arkivji)
//= $special ?>