Is-sewwieq tal-McLaren Fernando Alonso hu l-aktar sewwieq imħallas hekk kif dan jirċievi salarju ta’ 35 miljun ewro fis-sena. Dan ġie żvelat matul il-ġimgħa meta ġiet ippubblikata lista ta’ salarji li jirċievu s-sewwieqa tat-timijiet kollha.
Alonso ingħaqad għat-tieni darba fil-karriera tiegħu mal-McLaren qabel il-bidu ta’ dan l-istaġun wara snin isuq mal-Ferrari. Minkejja s-salarju astronimiku li għandu il-wirjiet tiegħu ma tantx kienu sodisfaċenti hekk kif dan ġabar biss punt u attwalment jinsab fit-18-il post f’dik li hi klassifika tas-sewwieqa. Staġun ilu l-istess Alonso kien l-aktar sewwieq imħallas imma kellu ‘biss’ 22 miljun ewro, jiġifieri mal-McLaren qed jirċievi 13-il miljun ewro aktar fil-kont bankarju personali.
L-eks champion tad-dinja, Sebastian Vettel li qiegħed mal-Ferrari hu t-tieni l-aktar sewwieq imħallas. Dan għandu salarju ta’ 28 miljun ewro filwaqt li ċ-champion u lider Lewis Hamilton tal-Mercedes hu t-tielet l-aktar sewwieq imħallas b’salarju ta’ 25 miljun ewro. Ta min jinnota li Hamilton bħalissa qed jiddiskuti mad-diriġenti tal-Mercedes biex iġedded il-kuntratt tiegħu u rapporti fil-midja qed jispekulaw li jekk iġedded il-kuntratt tiegħu bi tliet snin se jibda jirċievi salarju ta’ 45 miljun ewro u b’hekk ikun l-aktar sewwieq imħallas fid-dinja.
Sena ilu Vettel kien qed jirċievi 22 miljun ewro, daqs kemm kien jirċievi anke Kimi Raikkonen tal-Ferrari. Din is-sena s-sewwieq mill-Finlandja hu r-raba’ l-aktar sewwieq imħallas b’salarju ta’ 18-il miljun ewro.
L-eqreb rivali ta’ Hamilton, Nico Rosberg hu l-ħames l-aktar sewwieq imħallas b’salarju ta’ 13.5 miljun ewro fis-sena. Filwaqt li Alonso tal-McLaren hu l-aktar sewwieq imħallas, sieħbu Jenson Button għandu salarju ta’ 10 miljun ewo, sitt miljuni inqas mill-ammont li kien jirċievi sena ilu.
Is-salarji tas-sewwieq huma:
 1. Fernando Alonso – €35m
 2. Sebastian Vettel – €28m
 3. Lewis Hamilton – €25m
 4. Kimi Raikkonen – €18m
 5. Nico Rosberg – €13.5m
 6. Jenson Button – €10m
 7. Felipe Massa – €4m
 = Nico Hulkenberg – €4m
 = Sergio Perez	 – €4m
 = Romain Grosjean – €4m
 = Pastor Maldonado – €4m
 12. Valtteri Bottas – €2m
 13. Daniel Ricciardo – €1.5m
 14. Daniil Kvyat – €750,000
 15. Max Verstappen – €250,000
 = Carlos Sainz	 – €250,000
 17. Felipe Nasr – €200,000
 = Marcus Ericsson – €200,000
 19. Will Stevens – €150,000
 20. Roberto Merhi – €50,000
Is-salarji li jħallsu t-timijiet:
1. Ferrari – €46m
 2. McLaren – €45m
 3. Mercedes – €38.5m
 4. Force India – €8m
 = Lotus – €8m
 6. Williams – €6m
 7. Red Bull – €2.25m
 8. Toro Rosso – €500,000
 9. Sauber – €400,000
 10. Manor – €200,000



 
  
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		