Il-Pulizija arrestat sid ta’ drone wara li dan għal ftit ma ħabatx f’ajruplan tal-passiġġieri tal-Lufthansa waqt l-inżul.
Ir-raġel ta’ 39 sena kien qed itajjar id-drone qrib l-ajruport ta’ Varsavja meta dan tar sa 100 metru bogħod minn ajruplan tal-Lufthansa li kien se jinżel fl-ajruport. L-ajruplan kien fuq titjira minn Munich u abbord kien hemm mal-100 passiġġier.
Minħabba l-inċident li seħħ, it-torri tal-kontroll tal-ajruport ta’ Varsavja, bħala prekawzjoni, bagħat madwar 20 ajruplan li kellhom jinżlu f’postijiet differenti tal-ajruport.
Eżattament kif ingħatat l-aħbar, il-militar Pollakk beda tfittxija intensiva permezz tal-ħelikopters.
Uffiċjali f’diversi pajjiżi spiss wissew li d-drones kienu perikolużi ħafna għall-ajruplani u fil-Ġermanja hu pprojbit li jittajru madwar l-ajruporti.
Fil-Polonja, drone kważi ħabat f’ajruplan tal-passiġġieri
