Il-mudell tal-‘Ferrari Testarossa’ hu wieħed mill-aktar karozzi memorabbli u ‘ikonu’ tas-snin tmenin, b’Enzo Ferrari innifsu jaqbel biex jipprovdi tnejn minn dawn is-‘supercars’ għas-sensiela televiżiva polizjeska ‘Miami Vice’ li wkoll saret tissimbolizza l-era tat-tmeninijiet.
Sadanittant, wieħed mill-mudelli tat-‘Testarossa’ li jmur lura l-1986 għandu jittella għall-irkant fil-Mecum’s Daytime Auction li se jsir f’Monterey, f’Kalifornja, bejn it-13 u l-15 ta’ Awwissu. Din il-karozza ma ntużatx ħafna u ilha ‘wieqfa’ mindu spiċċat is-sensiela ‘Miami Vice’ fl-1989. Il-kulur ta’ dan il-mudell hu abjad li, għad-dilettanti tal-Ferrari, jista’ jmur kontra l-kunċett għaliex għalihom, l-aħmar għandu jibqa’ l-kulur ‘sagrosant’ għal dawn il-mudelli.
Kelliema għall-irkantaturi qalu li ‘filwaqt li niżlet ix-xemx għal Crockett u Tubbs ( il-protagonisti fittizji ta’ ‘Miami Vice’, it-Testarossa tibqa’ simbolu ta’ dejjem. Hemm anki nota li dan il-mudell ingħata ‘service’ fil-magna li sewa mat-$8,000.
Il-Ferrari Testarossa l-oħra li ntużat f’Miami Vice kienet inbiegħet għal $1.75 miljuni f’Diċembru, iżda l-irkantaturi għad ma ffissawx sstima għal dan il-mudell li jispikka fit-tielet staġun tas-sensiela li permezz tagħha l-atturi Don Johnson u Philip Michael Thomas saru superstars internazzjonali.
//= $special ?>