Manuvrar minn xi membri tal-kumitat lokali Laburista f’Ħal Għargħur wassal biex inqalgħet ġlieda kbira fil-każin Laburista ta’ din il-lokalita’ bejn il-barman u xi membri tal-kumitat. Ġlieda li kienet karatterizzata minn ħafna għajjat u storbju.
MaltaRightnow.com jinsab infurmat li l-ġlieda seħħet nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Lulju wara numru ta’ mossi u manuvrar minn grupp ta’ membri fil-kumitat tal-Partit Laburista f’din il-lokalita’ u li riedu jeħilsu mill-barman wara li spiċċalu kuntratt ta’ sentejn.
Skont sorsi qrib MaltaRightNow.com, kien nhar it-Tlieta 14 ta’ Lulju meta l-kumitat Laburista ltaqa’ biex jiddiskuti l-kuntratt tal-bar u jekk kellux ikun imġedded il-kuntratt mal-barman preżenti jew inkella ssir sejħa għal offerta ġdida. F’din il-laqgħa, li għaliha kien hemm madwar 7 membri tal-kumitat preżenti, ma kienet ittieħdet l-ebda deċiżjoni, anzi kien ġie deċiż li d-deċiżjoni tkun posposta.
Il-Ġimgħa 17 ta’ Lulju, imbgħad, saret laqgħa oħra tal-kumitat li għaliha kienu preżenti erba’ membri biss tal-kumitat Laburista. Fin-nuqqas tal-bqija tal-Kumitat, inkluż tal-President lokali Laburista, ittieħdet deċiżjoni li l-kuntratt tal-barman ma kellux jiġi mġedded u allura effettivament jitneħħa.
Jirriżulta li dan wassal għal kommossjoni kbira fil-każin Laburista tant li nqalgħet ġlieda kbira bejn il-barman tal-każin u dawn il-membri tal-kumitat. Xhieda fuq il-post infurmaw lil MaltaRightNow.com li l-ġlieda kompliet ukoll barra l-każin, tul Triq San Bartilmew bejn il-familjari tal-barman u l-membri tal-kumitat Laburista, saħansitra f’ħin minnhom anke jiġru wara xulxin.
//= $special ?>