Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ l-uniku leħen tal-istudenti Maltin u Għawdxin

Huwa ċar li f’pajjiżna, l-uniku partit li jaqbeż għad-drittijiet tal-istudenti Maltin u Għawdxin huwa l-Partit Nazzjonalista. Anqas minn 48 siegħa wara li d-Deputati tal-Gvern ivvutaw biex jitbaxxew l-istandards tal-edukazzjoni f’pajjiżna għal raġunijiet marbuta ma’ wisq kumbinazzjonijiet, l-Forum Żgħażagħ Laburisti ħareġ jiddefendi din id-deċiżjoni, minkejja l-impatt negattiv fuq is-sistema edukattiva ta’ pajjiżna

Il-konferenza tal-aħbarijiet tal-lum indirizzata mill-President tal-FŻL Alex Saliba tikkonferma kemm il-fergħa li suppost hija l-kuntatt bejn il-Partit Laburista u l-istudenti hija maqtugħa mill-istudenti. Fl-aħħar jiem, l-istudenti u l-lekċerers, permezz ta’ stqarrijiet u dikjarazzjonijiet fil-media, attakkaw l-Avviż Legali li daħħal il-Ministru Evarist Bartolo, li permezz tiegħu, hemm lok li jitbaxxew l-istandards tal-edukazzjoni f’pajjiżna mingħajr ma tingħatha raġuni li treġi għajr il-kumbinazzjoni li fl-istess żmien se tiddaħħal il-famuża “Università ta’ Żonqor Point”. Dak li qed isir huwa żvalutazzjoni ta’ x’jikkostitwixxi “Universitaà” f’pajjiżna.

Jekk verament hawn partit f’Malta li hu favur l-edukazzjoni, u b’mod speċjali dik fl-MCAST huwa l-Partit Nazzjonalista li welled l-MCAST darbtejn f’Malta, billi saħansitra l-Partit Laburista għalaqha. Il-Partit Nazzjonalista investa ħafna fl-MCAST u jassigura lil kull student u studenta tal-MCAST li se jibqa’ jara li l-istudenti jingħataw l-aqwa edukazzjoni u taħriġ minkejja l-gambetti li qed jiprova jagħti l-Partit Laburista.

Hija ħasra li Joseph Muscat u Evarist Bartolo, biex jgħattu xturhom, jużaw il-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Laburista biex jattakkaw ix-Shadow Minister tal-Edukazzjoni Therese Comodoni Cachia. Li kieku l-membri tal-Forum Żgħażagħ Laburisti huma viċin iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin, indunaw li dak li qed tgħid Dr. Therese Comodini Cachia, jiġifieri li l-“Universita’ Amerikana” – ir-raġuni għalfejn il-Gvern irid li jbaxxi l-istandards tal-edukazzjoni – m’hija Universita’ xejn, u m’hija Amerikana xejn, huwa s-sentiment tal-maġġoranza taż-żgħażagħ u l-istudenti Maltin u Għawdxin. Imma dan huwa l-istil ta’ meta tkun ċert li tlift argument, billi tipprova ixxejjen lill-individwu li qed jagħmillek il-kritika u għalhekk huwa konferma ta’ kemm hu minnu dak li qed tgħid Dr. Comodini Cachia.

Iż-żgħażagħ u l-istudenti Maltin u Għawdxin jixirqilhom ferm aħjar minn hekk. L-MŻPN jistieden lill-membri tal-FŻL biex jingħaqdu mal-kumplament taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin li huma kontra l-qirda taż-Żonqor u kontra li jitbaxxew l-istandards tal-edukazzjoni. Ħasra li l-FŻL ma jitkellimx fuq materji veri u mhux qarrieqa li jolqtu liż-żgħażagħ bħal per eżempju t-taxxa l-ġdida fuq il-miżati tal-MATSEC  jew inkella t-tant imwiegħda riforma tat-trasport pubbliku u l-mod kif qed taffettwa lill-istudenti.