Internazzjonali

Jgħibu erba’ ġurnalisti barranin fis-Sirja

Erba’ ġurnalisti barranin, tliet Spanjoli – Antoniu Pampliega, Jose Manuel Lopez u Angel Sastre (ritratt), u Ġappuniż – Jumpei Yasuda, jirriżulta li għebu waqt li kienu qed jirrappurtaw dwar il-gwerra fis-Sirja.
L-Ispanjoli ilhom neqsin mit-13 ta’ Lulju u l-Gvern Spanjol qal li qed jipprova jistabbilixxi għaliex għebu waqt li kienu fil-belt ta’ Aleppo, fejn saru wħud mill-agħar ġlidiet fil-gwerra Sirjana.
Il-Prim Ministru Spanjol, Mariano Rajoy qal li xejn mhu qed ikun eskluż dwar l-għajbien tal-ġurnalisti Spanjoli.
Fil-każ tal-ġurnalist Ġappuniż, ilu xahar li ħadd ma sema’ bih u mhux magħruf għaliex. Yasuda ilu jirrapporta mil-Lvant Nofsani mill-2002. Hu kien diġà nqabad ostaġġ fl-Iraq fl-2004 flimkien ma’ tliet ġurnalisti Ġappuniżi oħra. Hu kien inħeles wara medjazzjoni minn reliġjużi fl-Iraq.