Il-Ministru Bonnici jitlob li ssir mistoqsija bil-miktub dwar jekk Ray Zammit għadux b’karozza u xufier tal-Korp
Il-Ministru Owen Bonnici tawwal iż-żmien biex iwieġeb iva jew le meta fil-Parlament talab lill-Oppożizzjoni tagħmel mistoqsija bil-mitkub wara li ma weġibx dwar jekk l-eks-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit, li rriżena mill-Korp u l-Gvern ħatru Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija dwar l-Infurzar Lokali, għandux l-istess pakkett finanzjarju li kellu mal-Korp tal-Pulizija, inkluż karozza u xufier tal-Korp.
Meta kien qiegħed iwieġeb mistoqsijiet parlamentari tal-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Partit, Beppe Fenech Adami, il-Ministru Owen Bonnici li taħt il-Ministeru tiegħu taqa’ l-Aġenzija li waqqaf il-Gvern biex tieħu f’idejha t-tmexxija tal-infurzar lokali, qal li fil-preżent, hemm biss il-Kap Eżekuttiv ewlieni tal-Aġenzija u persuna oħra li qed tikkordina x-xogħol tal-Aġenzija.
Il-Ministru talab lill-Oppożizzjoni tagħmel mistoqsija bil-miktub b’rabta mal-kundizzjonijiet li għandu l-eks-Aġent Kummissarju Ray Zammit, issa bħala l-Kap ta’ din l-Aġenzija magħżul mill-Gvern.
Ir-risposta ma ngħatatx minkejja li l-mistoqsija ta’ Beppe Fenech Adami kienet ċara u diretta lill-Ministru Bonnici – biex jikkonferma jekk Ray Zammit għadx għandu l-istess pakkett finanzjarju nkluż ukoll karozza u xufier tal-Korp.
Il-Ministru Bonnici ddefenda l-għażla tal-Gvern li jaħtar lill-eks-Aġent Kummissarju Ray Zammit biex tkun il-persuna ta’ fiduċja tal-Gvern li tmexxi din l-Aġenzija fdata bit-tmexxija tal-infurzar lokali – l-immaniġġjar tal-gwardjani lokali.
F’din it-taqliba li għamel fil-gwardjani lokali, il-Gvern żamm l-istess servizz tal-kumpanija li l-Prim Ministru Muscat meta kien fl-Oppożizzoni kien akkużaha b’racket. Kien qal ukoll li hu ma kienx se jħalli l-ħut il-kbir ikompli jibla’ kollox.
Fil-Parlament din il-ġimgħa, il-Ministru Bonnici ddefenda din l-għażla billi qal li għal snin twal Ray Zammit kien il-persuna fil-Korp tal-Pulizija li kien imexxi l-qasam tat-traffiku ta’ Malta kollha.
Dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg li ngħata biex imexxi din l-Aġenzija, il-Ministru Owen Bonnici qal li hu ma jafx x’kellu bħala Aġent Kummissarju u mhux f’pożizzjoni li jgħid jekk hux jitħallas aktar jew anqas, u talab biex issir domanda bil-miktub.
Fisser ukoll iżda, li l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv ta’ din l-Aġenzija mhix eċċezzjoni, b’servizz ukoll ta’ xufier u karozza kif għandu kull Kap Eżekuttiv ieħor f’awtorità jew aġenzija tal-Gvern.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Kunsilli Lokali, Zgħażagħ u Sport, David Agius, staqsa lill-Ministru jispjega dwar kemm ġew impjegati s’issa f’din l-Aġenzija, bil-Ministru jgħid li s’issa ġew impjegati minn ġewwa s-settur pubbliku.
Il-Ministru Bonnici qal ukoll li se jkun hemm perjodu sal-aħħar tas-sena biex il-Gvern jorganizza r-riżorsi kollha li għandu, biex wara jagħmel l-emendi meħtieġa biex l-Avviż Legali jidħol kollu fis-seħħ. Se ssir ukoll evalwazzjoni tal-ħidma fil-Kumitat Reġjonali biex il-Gvern jara min mill-ħaddiema jkunu lesti jaħdmu mal-Aġenzija.
Dwar din l-Aġezija li waqqaf il-Gvern għat-tmexxija tal-infurzar lokali li qed tieħu f’idejha r-responsabbiltajiet li qabel kellhom il-Kunsilli Lokali li kienu jagħżlu huma l-metodu ta’ infurzar lokali fil-lokalità tagħhom, il-ġimgħa li għaddiet il-Parlament iddiskuta mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex temenda l-Avviż Legali li waqqaf l-Aġenzija dwar l-Infurzar Lokali.
Fid-dibattitu tal-Parlament dwar din il-mozzjoni, id-Deputat Nazzjonalista u Whip tal-Grupp Parlamentari David Agius ikkritikat lill-Gvern li ma kkonsultax qabel ma waqqaf din l-Aġenzija u ressaq numru ta’ proposti li fid-dibattitu l-Gvern aċċetta.
Il-Gvern baqa’ jirrifjuta li l-Kap Eżekuttiv jinħatar bi qbil mal-Oppożizzjoni.
Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi kkritika wkoll lill-Gvern li ddeċieda fuq persuna li l-ġudizzju tiegħu naqas meta kien fdat bit-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija bħala Aġent Kummissarju.
Ray Zammit kien irriżenja minn Aġent Kummissarju wara li kien żvelat kif il-Pulizija taħt ir-responsabbiltà tiegħu, imxiet dwar il-każ tax-xufier tal-eks-Ministru Manwel Mallia, li kien ukoll membru tal-Pulizija meta kien spara fid-direzzjoni ta’ sewwieq ta’ karozza li kien involut f’inċident tat-traffiku.
//= $special ?>