Mafjuż li kien imfittex mill-Pulizija ġie arrestat hekk kif wasal f’Pozzallo abbord il-katamaran minn Malta.
Vincenzo Locorotondo, ta’ 34 sena minn Bari, hu suspettat membru tal-grupp tal-mafja Strisciuglio. Hu ġie arrestat minn Pulizija pajżana li tħalltu mal-passiġġiera l-oħra biex arrestawh qabel niżel mill-katamaran.
Locorotondo kien ilu mfittex mill-bidu ta’ Lulju, meta nżamm fuq pussess illegali ta’ armi, munizzjon u splussivi tal-gwerra. Hu kien wieħed minn iktar minn 40 persuna mfittxija fuq assoċjazzjoni mafjuża, użu ta’ armi llegali, attentat ta’ omiċidju, serq, estorsjoni, traffikar ta’ droga, traffikar ta’ armi u munizzjoni fost l-oħrajn.
Il-Pulizija Taljana qed jippruvaw jistabilixxu għaliex Locorotondo kien f’Malta. Hu kien imfittex wara li f’Settembru 2011 importa u biegħ illegalment armi u munizzjon tal-gwerra b’metodi mafjużi u bl-għan li jwettaq operazzjonijiet mafjużi għall-Strisciuglio, grupp tal-mafja fost l-iktar attivi fit-territorju ta’ Bari.
Locorotondo hu t-tielet mafjuż arrestat riċentament b’rabta ma’ Malta. Dan wara li f’Novembru 2014 ġie arrestat il-boss tal-Kamorra Aldo Gionta, li kien se jirkeb il-katamaran lejn Malta, u Sebastiano Brunno li kien arrestat f’Buġibba fit-2 t’Ottubru 2014.
//= $special ?>