Sport

Rebħiet għal Barcelona, Man Utd u PSG

Barcelona, Man Utd u PSG kisbu rebħiet fil-partiti ta’ ħbiberija li lagħbu hekk kif qed iħejju għall-istaġun li ġej. Barcelona, champions ta’ Spanja u tal-Ewropa rebħu 2-1 kontra LA Galaxy, Man Utd rebħu 3-1 kontra San Jose Earthquakes u PSG rebħu 4-2 kontra Fiorentina.

Għal Barcelona l-logħba kontra LA Galaxy kienet l-ewwel waħda li lagħbu sa minn meta għelbu lil Juventus fil-finali taċ-Champions League fis-6 ta’ Ġunju li għadda.

Il-Katalani marru fil-vantaġġ eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima b’gowl ta’ Luis Suarez li deher jikkontrolla l-ballun b’idu qabel ma għeleb lill-gowlkiper Rowe. Fil-56 minuta Barcelona għamluhom tnejn meta Sergi Roberto skurja gowl mill-viċin. Eżatt mad-90 minuta LA Galaxy Tommy Meyer naqqas id-distakk għall-klabb Amerikan li diġa’ beda l-impenji tiegħu fil-kampjonat tal-MLS.

L-akkwist il-ġdid ta’ Man Utd Memphis Depay skurja l-ewwel gowl tiegħu sa minn meta ingħaqad magħhom mingħand PSV hekk kif sab ix-xibka fir-rebħa ta’ 3-1 kontra San Jose Earthquakes.

Fit-32 minuta kien Juan Mata li fetaħ l-iskor favur it-tim ta’ Van Gaal wara li irċieva mingħand Ashley Young u ħames minuti wara Depay għamel l-iskor 2-0.

Eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima t-tim Amerikan naqqas id-distakk permezz ta’ Alshae imma mas-siegħa logħob issiġilla l-konfront favur ir-Red Devils b’daqqa ta’ ras.

B’wirja mill-aqwa PSG għelbu lil Fiorentina 4-2 f’partita tal-International Champions Cup. Din kienet it-tieni rebħa konsekuttiva għat-tim ta’ Blanc wara li jiem ilu għelbu lil Benfica. Thiago Silva, David Luiz u Edinson Cavani kollha ma lagħbux.

Fiorentina kienu sfortunati meta fil-11-il minuta laqtu l-lasta bi free kick ta’ Nicolo Fazzi u fit-36 minuta meta Van der Wiel għadda ballun lejn Matuidi li skurja b’tap in faċli. Sitt minuti wara kien Matuidi li qassam lejn Augustin li skurja b’xutt fir-rokna.

Fit-tieni taqsima Fiorentina tjiebu kemmxejn u mas-siegħa logħob Joaquin naqqas id-distakk. Fid-69 minuta l-attakkant Żvediż Ibrahimovic skurja l-ewwel gowl tiegħu dan l-istaġun u għamel l-iskor 3-1.Hekk kif kien fadal kwarta logħob Augustin skurja t-tieni gowl tiegħu u r-raba’ wieħed għaċ-champions Franċiżi u fit-80 minuta Giuseppe Rossi skurja penalty għal Fiorentina għal skor finali ta’ 4-2.

Intant, il-kowċ il-ġdid ta’ Leicester City Claudio Ranieri beda l-avventura tiegħu mat-tim b’rebħa ta’ 3-1 kontra Lincoln City. Ranieri iffirma kuntratt ta’ tliet snin ma’ Leicester ftit jiem ilu u se jkun qed jieħu post Nigel Pearson. Ir-rebħa ta’ Leicester waslet jum wara li l-midfielder Arġentin Esteban Cambiasso irriffjuta kuntratt ġdid mingħand l-istess Leicester.