L-Oppożizzjoni fl-Awstralja se tagħmel sforz ġdid biex il-pajjiż isir repubblika u tinqata’ r-rabta mal-monarkija Ingliża.
Grupp ta’ Membri Parlamentari Laburisti se jintroduċu mozzjoni b’dan l-iskop waqt il-konferenza annwali tal-partit u huma fiduċjużi li għandhom l-appoġġ meħtieġ. Dokumenti tal-politika Laburista diġà jistqarru li kien wasal iż-żmien li l-pajjiż isir repubblika.
Imma l-pass mill-Membri Parlamentari juri d-determinazzjoni tal-Partit Laburista li jqanqal din bħala tema hekk kif il-pajjiż qed ilesti għall-elezzjoni ġenerali.
Il-Partit Laburista se jivvota fuq din il-mozzjoni l-Ġimgħa u jekk tkun approvata, ikun ifisser li se jkun hemm proposti speċifiċi dwar kif l-Awstralja tista’ ssir repubblika. Il-Partit Laburista qed jipproponi wkoll li jkollu Ministru allokat biex jippromwovi l-Awstralja bħala repubblika.
L-Awstralja hi demokrazija parlamentari bil-monarka Ingliża bħala Kap tal-Istat.
L-aħħar darba li kien sar sforz simili biex il-pajjiż isir repubblika kienet fl-1999 permezz ta’ referendum u li kien falla. Dan kien falla l-aktar għaliex in-nies riedu li jeleġġu l-President tal-pajjiż minflok li bħalma kien propost fir-referendum, ikun elett mill-Parlament.
Sforz ġdid biex l-Awstralja ssir repubblika
