Lokali

Tħassib wara l-ammissjoni li l-pubblikazzjoni tal-garanzija bankarja għall-Electrogas jħalli impatt negattiv fuq l-ekonomija

L-ammissjoni tal-Gvern, li jekk tiġi ppubblikata l-garanzija bankarja li għamel il-Gvern biex tinbena l-Power Station il-ġdida ikun hemm impatt negattiv fuq l-ekonomija, hi ta’ tħassib serju għax hi ammissjoni ċara li hemm xi ħaġa materjalment inkwetanti fil-garanzija bankarja li ngħatat mill-Gvern lill-Electrogas.

Ix-Shadow Minister għall-Ekonomija Claudio Grech stqarr dan f’konferenza tal-aħbarijiet wara t-tweġiba li l-Gvern ta għal mistoqsija tal-ġurnal The Malta Independent biex jippubblika l-garanzija bankarja taħt il-Liġi dwar il-Libertà tal-Informazzjoni. F’din it-tweġiba, il-Gvern qal li jekk tiġi ppubblikata l-garanzija bankarja, din ikollha effett negattiv fuq l-ekonomija Maltija.

Din id-dikjarazzjoni tqanqal tħassib għax tistona mad-diversi stqarrijiet li kienu jsiru mill-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Konrad Mizzi, li baqgħu jinsistu li kollox kien on-track. Claudio Grech appella biex kemm il-kuntratt mal-Electrogas, kif ukoll il-karta dwar il-garanzija bankarja, għandhom jiġu ppubblikati għax hu fl-interess tal-poplu Malti li jkun jaf x’ġie ggarantit f’isimhom mit-taxxi tagħhom.

Ix-Shadow Minister kompla li ċ-ċirkostanzi juru li l-garanzija bankarja ma kinitx ippjanata u jidher li mingħajrha l-proġett aktarx ma jsirx.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet, tkellmet ukoll il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għas-Servizzi Finanzjarji Kristy Debono, li għamlet numru ta’ mistoqsijiet li l-Gvern għandu jwieġeb biex iserraħ ras il-poplu Malti u Għawdxi. Staqsiet jekk sarx proċess ta’ due diligence qabel il-Bank of Valletta sellef aktar minn 100 miljun ewro lill-konsorzju Electrogas.

Kristy Debono staqsiet ukoll x’jiġri jekk il-Kummissjoni Ewropea tqis din il-garanzija bankarja bħala għajnuna mill-Istat u allura jekk il-Bank of Valletta hux xorta se joħroġ il-loan. Staqsiet x’kienet il-vera raġuni wara d-deċiżjoni tal-Gvern li jidħol f’dan ir-riskju permezz tal-garanzija bankarja.

Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni qalet li l-poplu Malti u Għawdxi għandhom id-dritt li jkollhom tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet.