Lokali

Transport Malta ma wiġbitx mistoqsijiet dwar jekk ittiħditx azzjoni fuq xufier li qgħad jitgħajjar politikament

Transport Malta baqgħet ma wiġbitx mistoqsijiet ta’ maltarightnow.com dwar jekk ittiħditx azzjoni fuq xufier li qatta’ aktar minn kwarta jitgħajjar politikament ma’ passiġġier filwaqt li jxejjer idu u jsuq b’id waħda, anke fil-kantunieri.

Ix-xufier tal-linja, li t-Tnejn 30 ta’ Ġunju kien qed jopera r-rotta 52 li fid-9pm telqet mill-Belt lejn Ħad-Dingli, beda argument jaħraq ma’ passiġġier, li saħansitra żviluppa f’tgħajjir personali u politiku. Fost l-oħrajn, ix-xufier ta’ fehma Laburista nstema’ jgħajjar lin-Nazzjonalisti “ħallelin” u “korrotti”, fost sensiela ta’ aġġettivi oħra.

Kollox beda meta x-xufier kien qed jistenna l-ħin fit-Terminus ta’ ħdejn ir-Roman Villa fir-Rabat. Hawn telgħet koppja, li bdew jilmentaw li ilhom ġimgħatejn li applikaw għal TalLinja Card, iżda din baqgħet ma waslitx, filwaqt li bdew iwaħħlu fil-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi għal din l-ineffiċjenza.

Fil-pront qabeż raġel ieħor, li fakkarhom li issa jridu jibdew iħallsu kull sagħtejn. Kien hawn li x-xufier irrisponda u beda jargumenta u jaqbeż għall-Partit Laburista. L-argument baqa’ sejjer, minkejja li x-xufier sarlu l-ħin u beda jsuq lejn Ħad-Dingli.

Il-fatt li beda jitkellem politikament ifisser li dan mar kontra r-regoli tal-impjieg mal-kumpanija tat-trasport pubbliku. L-argument wassal biex għal xi mumenti kien hemm saħansitra passiġġiera oħra li spiċċaw jitgħajjru bejniethom.

Madankollu, u minkejja l-provi ta’ dan l-inċident, Transport Malta għadha ma wiġbitx għal mistoqsijiet dwar jekk ittiħditx azzjoni. L-unika risposta kienet li l-email tagħna waslet għand Transport Malta u li l-każ qed jingħata l-attenzjoni mistħoqqa.