Il-Gvern għandu joħrog fil-pubbliku dak li qed jinnegozja dwar l-Arms Ltd
Diversi persuni awtorevoli fis-settur tal-enerġija f’pajjiżna li qed isostnu li l-Gvern jinsab f’diskussjonijiet avvanzati ħafna dwar il-futur tal-kumpanija Arms Ltd. F’dawn id-diskussjonijiet tinsab involuta fihom l-istess kumpanija Accenture li rrangat il-ftehim bejn il-kumpanija Shanghai Electric u l-Gvern Malti.
Fl-aħħar aġġornament qabel il-waqfa tal-Parlament għall-vaganzi tas-sajf, id-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono tkellmet dwar il-ftehim li sar fis-settur tal-enerġija, u li minkejja li skont dan il-Gvern dan il-ftehim hu tant importanti, qatt ma ta informazzjoni, il-media qatt ma ġiet infurmata bih u mistoqsijiet parlamentari li ressqet bħala deputat tal-Kamra dwar dan is-suġġett ġimagħtejn ilu, sal-lum għadhom ma ġewx imwieġba.
Semmiet kif f’nofs il-ġimgħa li għaddiet, fil-media internazzjonali onlajn speċjalment dik li tispeċjalizza fis-settur tal-enerġija, ħarġet l-aħbar li l-kumpanija internazzjonali tal-konsulenza, Accenture, kienet il-kumpanija li rrangat il-ftehim bejn il-kumpanija Shanghai Electric u l-Gvern Malti.
Il-ftehim bejn il-Gvern u l-kumpanija Shanghai Electric sal-lum għadu sigriet għax il-Gvern ma jridx jippubblikah, minkejja li l-kumpanija Shanghai Electric m’għandha ebda diffikultà li dan ikun ippubblikat kif ikkonfermat f’laqgħa mal-Kap tal-Oppożizzjoni fiċ-Ċina l-ġimgħa li għaddiet.
Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għas-Servizzi Finanzjarji, IT u Gaming, irrimarkat li qatt mal-Gvern ta x’jifhem li kien hemm xi forma ta’ brokerage li seħħ bejn il-kumpanija Shanghai Electric u l-Gvern Malti u l-Enemalta.
Kien biss il-ġimgħa li għaddiet, fissret Kristy Debono, li dan kien ikkonfermat fi stqarrija li ħarġet il-kumpanija Accenture ġimagħtejn wara li kienet għamlet numru ta’ mistoqsijiet parlamentari li fakkret li s’issa għadhom ma ġewx imwieġba.
Staqsiet għalfejn wara tant xhur, il-kumpanija Accenture ħasset li għandha tgħaddi din l-informazzjoni. Għalfejn il-Ministru għall-Enerġija Konrad Mizzi sal-lum qatt ma tkellem fuq dan id-dettal daqstant importanti u kif wara sitt ijiem milli ħarġet din l-istqarrija, il-Ministru ma ħassx il-bżonn li jitkellem fuq dan id-dettal jew tal-anqas iwieġeb għal mistoqsijiet parlamentari.
Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, il-kelliem tal-Oppożizzjoni staqsiet:
Kemm ilu jaf il-Ministru li l-kumpanija Accenture kienet involuta fix-xiri ta’ 33% tal-ishma tal-Enemalta?
Meta kien li rappreżentanti ta’ din il-kumpanija ltaqgħu miegħu dwar dan id-deal max-Shanghai Electric?
Kinux rappreżentanti ta’ Accenture li avviċinaw lilu jew rappreżentant iehħr tal-Gvern jew tal-Enemalta biex isir dan id-deal?
Jekk rappreżentanti tal-kumpanija Accenture qatt tkellmu mal-Ministru qabel l-1 ta’ Marzu 2013?
Il-kumpanija Accenture tissemma’ fil-ftehim li l-Gvern għamel jew l-Enemalta għamlet mal-kumpanija Shanghai Electric fit-takeover tat-33% tal-ishma fl-Enemalta?
Jafx il-Ministru kemm kien il-ħlas li ħadet il-kumpanija Accenture fil-brokerage tad-deal li sar ma’ Shanghai Electric?
Dan il-ħlas ħareġ parti minnu jew ħallsu kollu l-Gvern Malti?
Dwar in-negozjati dwar il-futur tal-kumpanija Arms Ltd, Kristy Debono rrimarkat li sal-lum qatt ma smajna li l-Gvern kellu f’moħħu xi forma ta’ privatizzazzjoni, jew privatizzazzjoni parzjali, jew involviment tal-privat fil-kumpanija Arms Ltd.
Żvelat li l-Gvern ilu għaddej għal numru ta’ ġimgħat f’diskussjonijiet mal-kumpanija Accenture u allura ma nifhimx għalfejn il-Ministru qatt ma dehrlu li kellu jagħti xi forma ta’ informazzjoni dwar dawn l-iżviluppi.
Quddiem dawn iċ-ċirkustanzi ġodda, Kristy Debono staqsiet ukoll:
Jistax il-Ministru jiċħad jew jikkonferma jekk humiex għaddejjin diskussjonijiet mal-kumpanija Accenture dwar Arms Limited jew l-operat tagħha u jekk iva f’liema stadju waslu d-diskussjonijiet?
Iħossx il-Ministru li din hija kumpanija pubblika u allura kellu jagħmel sejħa pubblika flok jinvolvi l-broker tal-kumpanija Shanghai Electric fit-take over jew fit-tmexxija ta’ kumpanija pubblika bla ma javża lil ħadd?
X’se jkun is-sehem ta’ Accenture jew ta’ klijenti tagħha fit-tmexxija jew ir-rwol tagħha fl-operat tal-Arms?
Hux minnu li l-Gvern se jkun qed iħallas lill-kumpanija Accenture jew klijenti tagħha mas-€6 miljun fis-sena għar-rwol tagħha fl-operat tal-Arms?
Jekk dan hux se jkun deal li se jwassal għal take over sħiħa, sieħeb strateġiku jew xi forma ta’ managment agreement?
Jekk il-każ tal-Arms hemmx l-involviment tal-Accenture direttament jew ta’ kumpanija li hija klijenta tal-Accenture bhalma kienet ix-Shanghai Electric fil-kas tal-Enemalta?
Id-Deputat Nazzjonalista staqsiet ukoll jekk il-Ministru għandux f’moħħu li jinvolvi l-kumpanija Accenture, jew jekk hemmx pjani dwar struttura ġdida fi ħdan l-Arms Ltd li tinkludi kumpanija privata. Appellat lill-Ministru joħrog fil-pubbliku d-dettalji marbuta mad-diskussjonijiet li qed isiru.
Aktar minn hekk, saħqet Kristy Debono, il-Ministru jeħtieg jgħid għalfejn mar għal kumpanija Accenture fil-każ tal-Arms Ltd, meta l-kumpanija Accenture kienet il-kumpanija involuta bħala broker fid-deal max-Shanghai Electric u fl-istess ħin hija l-kumpanija li qed tassisti lil kumpanija Shanghai Electric biex tkompli tistabbilixxi ruħha f’Malta.
Fissret li dawn il-mistoqsijiet qed isiru għaliex qed nitkellmu fuq kumpanija pubblika li dwarha nemmen li jekk il-Gvern irid jinvolvi l-privat, kellu jagħmel sejħa pubblika.
Staqsiet ukoll lill-Ministru jispjega għalfejn il-kumpanija Accenture spiċċat involuta fin-naħa tas-supplier u se tispiċċa involuta fin-naħa tal-kumpanija li se toħroġ il-kontijiet hekk kif il-kumpanija Accenture minn broker mas-Shanghai Electric se tispiċċa jew broker jew involuta fl-Arms Ltd.
Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni saħqet li l-Ministru Konrad Mizzi għandu jwieġeb għal dawn il-mistoqsijiet fl-interess tal-pubbliku u mhux jitħallew iqanqlu ħafna aktar dubji.
Esprimiet it-tama li l-Ministru Konrad Mizzi li ma jagħtix xi tweġiba bħalma ta l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna f’The Malta Independent on Sunday tal-Ħadd li għadda meta qal li mhux fl-interess tal-pubbliku għax iqanqal xi economic turmoil.
Jekk irridu li l-ekonomija tibqa’ miexja tajjeb fuq il-passi ta’ Gvern Nazzjonalista, Kristy Debono qalet li jeħtieġ li t-trasparenza u l-accountability li wiegħed dan il-Gvern jipprattikahom fid-deals ekonomici li qed jagħmel hekk kif wissiet li jekk dawn in-negozjati jmorru ħażin, hu l-pajjiż li jbati u jkollu ħafna x’jitlef.
//= $special ?>