Il-Prim Ministru Joseph Muscat m’għandux ir-rieda u l-interess jiġġieled il-korruzzjoni fil-Gvern tiegħu, u d-diversi każi ta’ skandli li qed jgħerrqu lill-Gvern jikkonfermaw li l-korruzzjoni mhux talli tinħass, iżda talli mhix qed tiġi miġġielda. Anke l-fatt li l-Prim Ministru għażel li ma jweġibx għall-mistoqsijiet serji li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni l-Ħadd li għadda dwar allegat korruzzjoni fl-iskandlu ta’ Gaffarena, mhux biss ikompli jikkonferma dan it-tħassib, iżda huwa nkwetanti ħafna.
Dan qaluh ix-Shadow Minister tal-Ġustizzja, d-Demokrazija u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Jason Azzopardi u l-Kelliem tal-Ambjent, l-Artijiet, l-Ippjanar u l-Infrastruttura Ryan Callus f’konferenza tal-aħbarijiet wara erbat ijiem ta’ silenzju mill-Prim Ministru Joseph Muscat dwar mistoqsijiet li saru mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ta’ allegat korruzzjoni fl-iskandlu ta’ Gaffarena.
Jason Azzopardi spjega kif dak li qal Joseph Muscat nhar il-Ħadd li għadda, jiġifieri li mhu se jħalli l-ħadd itappan il-Gvern tiegħu b’korruzzjoni ma jista’ jemmnu ħadd. Hu semma numru ta’ eżempji li juru kif il-ħuta minn rasha tinten. Fost l-oħrajn, hu spjega kif minn meta ġie żvelat l-iskandlu ta’ Gaffarena sal-lum, il-verżjoni ta’ Joseph Muscat u Michael Falzon inbidlet ta’ taħt fuq. Hu nnota li fil-bidu, Joseph Muscat ħareġ jiddefendi lil Michael Falzon akkost ta’ kollox, iżda aktar ma għadda żmien, aktar beda ma jitkellimx dwar l-iskandlu milli jitkellem dwaru. “Dan għal kuntrarju għall-każ ta’ Chris Cardona li Muscat qed jiddefendih mill-bidu sal-aħħar,” qal Jason Azzopardi.
Jason Azzopardi fakkar li l-prijoritajiet ta’ dan il-Gvern m’humiex il-prijoritajiet tan-nies, tant li Gaffarena qed jiġi aġevolat, waqt li ħaddieħor għadu qed jistenna biex jieħu dak li ħaqqu mill-Gvern. Hu fakkar ukoll li fl-iskandlu ta’ Cafe’ Premier, li fih kien hemm involut Muscat personalment, u allura żgur li Joseph Muscat m’għandu l-ebda kredibilita’ jgħid li hu mhux se jħalli l-korruzzjoni ttappan il-Gvern. “Kieku veru jemmen hekk, Muscat messu ilu li rriżenja,” qal Jason Azzopardi.
Minn naħa tiegħu, Ryan Callus irrefera għall-mistoqsijiet serji li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni nhar il-Ħadd li għadda, u li sal-lum baqgħu mhux imwieġba. Hu rrefera għal dawn il-mistoqsijiet : Mhux bilfors li hemm il-korruzzjoni? Bilfors li dan huwa Gvern ta’ Gaffarena? Bejn min għaddejjin il-flus? Min hu involut fil-korruzzjoni? Din hi direzzjoni korruzzjoni.
“Dawn huma mistoqsijiet serji li ma jistgħux jibqgħu ma jiġux imwieġba mill-Prim Ministru,” qal Ryan Callus. Ryan Callus irrefera wkoll għal dak żvelat nhar il-Ħadd li għadda, jiġifieri il Gaffarena kien qed jinnegozja biex jixtri palazz ieħor fil-Belt biex ibiegħu lill-Gvern u jagħmel il-profitt minn fuqu. “Huwa ovju u ċar aktar minn qatt qabel li din il-ħadma kienet ippjanata bejn Gaffarena u l-Gvern. Kieku x’sens kien jagħmel li Gaffarena jmur jinnegozja biex jixtri Palazz fil-Belt?” staqsa Ryan Callus. Hu qal li l-fatt li s-sidien tal-Palazz qalu lil The Sunday Times, li Gaffarena kien qalilhom li l-Gvern kien se jixtri l-Palazz, huwa konferma li teżisti rabta intima bejn il-Gvern u Gaffarena – preċiżament kif ġara fi Strada Zekka. Hawnhekk, Ryan Callus sfida lill-Ministru tal-Intern Carmelo Abela biex jgħid jekk hux veru jew le li l-Gvern ried li jixtri l-Għassa tal-Belt.
Ryan Callus temm jgħid li l-pożizzjoni ta’ Michael Falzon m’għadiex tenibbli, u aktar ma jgħaddu ġranet sakemm il-Prim Ministru jneħħih, aktar qed titnaqqar il-fiduċja tal-poplu Malti u Għawdxi f’Joseph Muscat.
//= $special ?>

