Internazzjonali

Ikkundannati għal attakk tal-1974 fl-Italja

Qorti fil-belt ta’ Milan ikkundannat żewġ eksmilitanti estremisti għal għomorhom il-ħabs b’konnessjoni ma’ attakk bil-bombi li kien qatel tmien persuni fi Brescia, fl-1974.

L-attakk, li ħalla mal-100 feruti, kien immirat għal rally anti-Faxxista li sar fi Piazza della Loggia, waħda mill-pjazez ewlenin ta’ Brescia. Dan kien ukoll wieħed mid-diversi attakki tal-estremisti tal-Lemin fl-Italja, li ddominaw l-aħbarijiet fis-snin sebgħin.

Intant, wieħed mill-ikkundannati, Carlo Maria Maggi, ta’ 80 sena, kien membru tal-grupp estremista tal-Lemin bl-isem ‘Movimento Politico Ordine Nuovo’. L-ikkundannat l-ieħor hu Maurizio Tramonte li kien eksaġent tas-servizzi sigrieti Taljani.