L-edukazzjoni ma għandux ikollha prezz u l-ebda rapoort jew rakkomandazzjoni ma għandhom iwaqqgħu dan l-argument. Aktar kmieni matul dan ix-xahar, l-Awditur Ġenerali ta diversi rakkomandazzjonijiet f’rapport lill-Parlament sabiex xi skejjel primarji fil-lokalitajiet iż-żgħar jingħaqdu biex tonqos in-nefqa attwali.
Mir-riżultati li ħarġu minn dan l-istess rapport, il-poplazzjoni tal-iskejjel u allura t-tqassim tal-istudenti fil-klassijiet qiegħda tħalli nefqa għal kull student li tvarja minn €2,660 għal kull student f’sena fi klassi b’medja ta’ 17-il student għal dik ta’ €9,162 fi klassi b’medja ta’ 6.
Għalkemm jiena ma nara xejn ħażin fir-rakkomandazzjoni li xi skejjel jingħaqdu flimkien sabiex is-sostenibilità tal-edukazzjoni tkun aktar vijabbli, dejjem jekk isiru l-istudji rikjesti u konsultazzjoni wiesgħa fuq tul ta’ żmien, ma nista’ qatt nasal naqbel mal-argument li ma jkunx hemm differenza fil-livell akkademiku miksub minn studenti li jitilgħu fi klassijiet iżgħar fin-numru, bħalma qiegħed jissuġġerixxi l-istudju li ġie ppreżentat.
Fl-opinjoni tiegħi, ir-rapport tal-Awditur Ġenerali jikkontradixxi dak li ħadmet għalih b’suċċess amministrazzjoni Nazzjonalista preċedenti u dak li l-Gvern preżenti għandu jaħdem favur, jiġifieri li jibda jersaq dejjem aktar lejn klassijiet li huma iżgħar fin-numri biex tkun implimentata sistema edukattiva li tiffavorixxi l-approwċ student-orientated biex l-istudent u l-ħteġijiet tiegħu jkunu prijorità. Fil-fatt, ir-rapport jirrikonoxxi li mill-istudju li sar, id-differenza fin-numru tal-klassijiet ma għandhiex impatt fuq is-suċċess akkademiku. Hawnhekk nitfa’ d-dubji tiegħi fuq kif saru l-istudji u r-riċerki, liema dubji nħassu wkoll minn stqarrija li għamlet il-MUT hekk kif tħabbar dan ir-rapport. B’dawn il-konklużjonijet, qegħdin immorru kontra dak li diversi studji jikkonfermaw għaliex klassijiet iżgħar fin-numru jistgħu jkunu benefiċċjali aktar minħabba diversi fatturi:
1. L-istudenti fi klassi żgħira ma jistgħux jevitaw jew jaħarbu l-kuntatt dirett mal-għalliem. Lanqas ma jistgħu jinqatgħu lura u jħallu f’idejn l-istess erba’ studenti li dejjem iwieġbu għal kull mistoqsija.
2. Fl-istess waqt, klassijiet żgħar jiffavorixxu klima aktar tolleranti li ġeneralment tinbena fuq xogħol fi gruppi.
3. L-involviment tal-Learning Support Assistants (LSAs) jista’ jkun dejjem aktar effettiv għaliex jista’ jieħu l-irwol ta’ Assistant teacher li jipparteċipa/tipparteċipa aktar fit-tifsil individwalizzat tal-istudenti li jkunu qed jibbenifikaw mis-sapport tal-LSAs.
4. L-għalliema jsibuha dejjem aktar diffiċli biex jgħallmu gruppi kbar. B’konsegwenza ta’ hekk, klassi kbira ġġib lill-għalliema f’ċirkostanzi ristretti li jiffavorixxu tgħallim li huwa aktar class-oriented milli student-oriented fuq mudelli aktar konvenzjonali minn dawk inkoraġġiti llum u li huma bbażati fuq sistemi edukattivi moderni li jinkorporaw ukoll l-użu teknoloġiku.
5. Fi klassi iżgħar hemm inqas opportunità għall-ibbuljar u mġiba mhux xierqa u għaldaqstant l-għalliema jkunu dejjem aktar f’kontroll tas-sitwazzjonijiet.
B’dispjaċir ninnota li r-rapport jagħmel enfasi finanzjarju daqslikieku l-impatt soċjali u edukattiv tal-esperjenza skolastika mhuwiex daqstant importanti. Klassijiet iżgħar jagħtu l-ispazju lill-istudenti jintegraw aħjar ma’ xulxin, ikunu dejjem aktar tolleranti u jifhmu l-ħteġijiet ta’ xulxin, liema tliet fatturi jistgħu jkunu detrimentali għall-iżvilupp soċjali tal-istudenti nfushom.
Biex nagħmel referenza għal studju wieħed, studju renomat li sar fl-Amerika fuq medda ta’ snin li nbeda fl-1989 magħruf bħala Project Star (Student-Teacher Achievment Ratio) jikkonferma propju kemm il-klassijiet żgħar fin-numri ħallew sinjali ta’ titjib sostanzjali fit-tagħlim bikri tal-ewwel snin skolastiċi. Dan l-istudju li kien mifrux fuq aktar minn 80 skola u nkorpora aktar minn 300 klassi li jammontaw għal 6,500 student ilkoll ġejjin minn catchment areas diversi sabiex jiġi kkunsidrat ukoll l-impatt soċjali tar-reġjun, jirriżulta li klassijiet ta’ bejn it-13 u s-17-il student taw ipproduċew riżultati aħjar meta kkomparati ma’ oħrajn li fihom kien hemm bejn 22 u 25 student.
B’dan l-istudju f’moħħna, irridu nikkunsidraw li llum, il-klassijiet jammontaw għal numri relattivament żgħar meta kkomparati ma’ 15, 20 sena ilu, imma jibqa’ l-fatt li rridu nkomplu naħdmu favur tnaqqis sostanzjali fin-numri għad-diversi raġunijiet li semmejt aktar ‘il fuq.
Huwa importanti li nifhmu kemm l-edukazzjoni bikrija hija l-pedament tal-iżvilupp għal uliedna u rridu naraw li ma nkunux qed innaqqsu l-ispiża edukattiva biex imbagħad inbatuh aktar ‘il quddiem.
//= $special ?>