Lokali Parlament

Ma nibagħtux messaġġi ħżiena lil min irid jinvesti fis-servizzi finanzjarji

Konsultazzjoni dwar it-twaqqif tal-Arbitru mas-settur lokali ma kienx hemm u dan jagħti l-impressjoni li seta’ kien hemm xi għaġla

Id-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg appella lill-Gvern ma jibgħatx messaġġi ħżiena lil min ikun irid jinvesti f’pajjiżna fis-settur tas-servizzi finanzjarji.

Meta tkellem fid-dibattitu li sar fil-Parlament dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji, Antoine Borg qal li fil-prinċipju l-Oppożizzjoni qed taqbel għax hu pass importanti fit-tisħiħ tal-konsumatur fis-servizzi finanzjarji u fil-fiduċja bejn ir-regolatur, min jipprovdi s-servizz u l-konsumatur jew l-investitur.

Hu qal li meta nitkellmu fuq servizzi finanzjajrji nkunu qed nirieferu wkoll għall-qasam tal-assigurazzjoni u l-qasam bankarju, u mhux biss investimenti. Hu għalhekk importanti li nipprovdu bilanċ f’dan is-settur tas-servizzi finanzjarji li hu pilastru importanti fl-ekonomija tagħna li jipprovdi wkoll ħafna impjiegi u opportunitajiet ta’ xogħol.

Semma li f’pajjiżna rajna tisħiħ kontinwu fl-aħħar 20 sena u hu importanti li dan nirrikonxxuh ukoll b’ħafna xogħol li sar mill-Awtorità ta’ Malta dwar is-Servizzi Finanzjarji (MFSA). Dan filwaqt li kellna wkoll esperjenzi negattivi li minnhom irridu nieħdu messaġġ u nitgħallmu.

Is-settur tas-servizzi finanzjarji m’għandux jitmexxa b’għaġla
Saħaq l-importanza li nkomplu ninvestu f’dan is-settur fuq il-livelli kollha. Ippropona li bħalma fis-settur tal-awditjar u l-accounting, il-professjonisti jridu jżommu ruħhom aġġornati mal-iżviluppi kif hu mitlub bil-liġi wkoll, is-settur tas-servizzi finanzjarji għandu wkoll japplika l-istess regoli ta’ taħriġ strutturat u kontinwu għall-professjonisti u l-ħaddiema f’dan is-settur.

Staqsa x’tip ta’ konsultazzjoni saret dwar dak li qed jipproponi l-Gvern dwar it-twaqqif ta’ Arbitru għas-settur tas-servizzi finanzjarji. Ikkritika li lokalment, ma kienx hemm konsultazzjoni u dan jagħti l-impressjoni li seta’ kien hemm xi għaġla.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li mhux aċċettabbli li l-istakeholders jisimgħu b’mod informali fuq dak li se jkun qiegħed jolqothom direttament.

Staqsa kemm kienet ikkonsultata l-MFSA u d-dipartimenti relatati, u kemm kien mogħti valur il-feedback tagħhom dwar dak li qed jipproponi l-Gvern. Appella lill-Gvern biex ma jmexxix dan is-settur b’għaġla għaliex dan jista’ jwassal biex titnaqqar u tiġi mittiefsa l-fiduċja li jgawdi dan is-settur.

Garanziji bankarji mingħajr informazzjoni ma jagħmlu ebda ġid
Antoine Borg qal li ma jagħmilx ġieħ meta jinħarġu garanziji bankarji mingħajr informazzjoni dwar self, u li garanziji jiġu approvati minnufih kif jinħarġu. Appella lill-Gvern jassigura li s-settur finanzjarju ma jibdiex iqanqal dubji, u li x-shareholders jingħataw l-informazzjoni u l-ispjegazzjonijiet meħtieġa.

Fisser li hu ħażin ħafna li nilagħbu mal-istituzzjonijiet finanzjarji b’dan il-mod f’xenarju diffiċli. Semma li mhux ġust li jsiru transizzjonijiet li jgħaddu daqslikieku xejn mhu xejn meta wieħed iqis ix-xenarju diffiċli biex jinfetaħ kont għal ċertu operazzjoni fin-negozju f’pajjiżna.

Id-Deputat Nazzjonalista fisser li ma jagħmilx sens li l-Arbitru jkun magħżul mill-Ministru meta l-Arbitru se jkun qed iħossu suġġettat jew influwenzat mill-Ministru li se jkun qed jaħtru.

L-Arbitru m’għandux iwieġeb lill-Ministru
Appella biex ħatriet bħal dawn iridu jisru mill-Parlament u saħaq li m’hemmx lok f’dan il-każ li l-Arbitru jwieġeb lill-Ministru għax jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-Bord tal-Immaniġġjar u l-Arbitru nnifsu.

Irrimarka li jekk il-Bord ikun responsabbli lejn il-Ministru fuq livell amministrattiv, irid ikun hemm distinzjonijiet ċari fil-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni rrifera mill-ġdid għall-MFSA u saħaq li għandha tingħata kas l-esperjenza. Appella biex il-medjazzjoni għandha l-ewwel titħalla fil-livell tal-MFSA li topera b’mod awtonomu, u wara l-Arbitru jieħu ħsieb l-investigazzjoni u l-proċess ta’ aġġudikazzjoni.

Dan, fisser Antoine Borg, biex il-proċess ta’ medjazzjoni jkun separat u distint mix-xogħol tal-Arbitru. Appella wkoll għal żmien xieraq għal min ikun irid jappella.

Tkellem ukoll dwar l-issue tal-preskrizzjoni u l-barax ta’ kwisjtonijiet u lmenti li se jsib ma’ wiċċu l-Arbitru meta dan jidħol fl-Uffiċċju. Appella biex l-kwistjonijiet kunsidrati bħala magħluqin wara deċiżjoni tal-MFSA, m’għandhomx jerġgħu jinfetħu quddiem l-Arbitru.

Kwistjoni oħra li tkellem dwarha Antoine Borg trattat l-issue tal-miżata, u appella li dawn il-miżati ma jkunux ta’ impediment meta dan is-settur qed isib ma’ wiċċu miżati bla bżonn fuq min ikun irid jilmenta.

Appella lill-Gvern ikompli jibni dan is-settur fuq l-impenn tal-maturità u fl-interess tal-poplu għaliex qed nitkellmu fuq investimenti u flus ta’ ħafna nies li l-investiment żgħir tagħhom ikun ifisser ħafna.