“Il-Gżira tal-Kavallieri, b’mod speċjali fl-aħħar xhur, spiċċat il-bejta ta’ tipi differenti ta’ kriminalità … it-triq tan-nofs minfejn dawk li jridu jwettqu xi illegalità jistgħu jgħaddu”. Hekk iddeskriviet lil pajjiżna La Gazzetta del Mezzogiorno tal-Italja, li spjegat kif l-investigaturi u l-Pulizija xeħtu ħarsithom fuq il-wasliet ta’ persuni abbord il-Katamaran minn Malta.
Sal-bieraħ stess, il-Pulizija Taljana arrestat lill-Mafjuż imfittex Vincenzo Locorotondo (ritratt xellug, ta’ 34 sena minn Bari, li kien għadu kif wasal f’Pozzallo minn Malta. Hu suspettat membru tal-grupp tal-Mafja Strisciuglio u ġie arrestat minn Pulizija pajżana li tħalltu mal-passiġġieri l-oħra biex arrestawh qabel niżel mill-Katamaran.
Locorotondo kien ilu mfittex mill-bidu ta’ Lulju u kien wieħed minn aktar minn 40 persuna mfittxija fuq assoċjazzjoni mafjuża, użu ta’ armi illegali, attentat ta’ omiċidju, serq, estorsjoni, traffikar ta’ droga, u traffikar ta’ armi u munizzjon, fost oħrajn.
Il-Pulizija Taljana qed tipprova tistabbilixxi għaliex Locorotondo kien Malta. Hu kien imfittex wara li f’Settembru tal-2011 importa u biegħ illegalment armi u munizzjon tal-gwerra b’metodi mafjużi u bil-għan li jwettaq operazzjonijiet mafjużi għal Strisciuglio, grupp tal-Mafja fost l-iktar attivi fit-territorju ta’ Bari.
Locorotondo hu t-tielet mafjuż arrestat reċentement b’rabta ma’ Malta. Dan wara li f’Novembru 2014 kien arrestat il-boss tal-Kamorra Aldo Gionta u xahar qabel kien arrestat Sebastiano Brunno.
F’pajjiżna wkoll, ġew sekwestrati azjendi li jaqgħu taħt il-kumpanija Betuniq: Uniq Group Ltd u Uniq Shopping Ltd fil-Gżira, Tebaral Holding Ltd u Tebaral Trading Ltd fil-Belt, u Betsolution4u Ltd u Fast Run Ltd f’San Ġwann.
//= $special ?>