Raġel, li bħalissa qed iservi sentenza ta’ priġunerija wara li kien instab ħati li ffalsifika ġbir għad-Dar tal-Providenza, qal fil-Qorti li kienet is-sieħba tiegħu li kienet tabbuża mill-qalb tajba tiegħu u tisfurzah jiġbor il-flus bieb bieb.
Quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli, waqt li kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni kontra l-eks sieħba tiegħu Graziella Apap, Joseph Meilaq qal li Apap kienet theddu li toqtlu u titfgħu l-baħar fejn ma jsibu ħadd. Kien għalhekk li kienet titolbu €100 kuljum. Apap qed tiċħad l-akkużi li għamlet ġbir falz għad-Dar tal-Providenza u li ffrodat lill-vittmi.
Meilaq, li għandu 32 sena u kien jaħdem bħala kennies u kollettur tal-iskart, qal li mit-€8,000 li nġabru sakemm inqabdu hu ma ħa xejn, iżda għaddihom kollha lill-eks sieħba, li għandha 30 sena u hi mis-Siġġiewi. Qal li kien jixtrilha l-affarijiet li trid, fosthom żewġ televixinx, diversi tiżjin għad-dar minn stabbiliment fil-Ħamrun u anke tablet. Wieħed mit-televixinx kien Plasma ta’ 50 pulzier.
Joseph Meilaq kompla jgħid li l-eks sieħba marret miegħu biss ftit drabi biex jiġbor il-flus bieb bieb. Qal li kien hawn li sfurzatu jibqa’ jmur, iżda din id-darba waħdu. Spjega li meta kien idur id-djar, kien jgħid lir-residenti li se jingħataw voucher ta’ €5,000 jekk jagħti donazzjoni ta’ €400 lid-Dar tal-Providenza. Kien hemm min aċċetta u oħrajn li tawh anqas minn €400.
Meilaq spjega li ltaqa’ ma’ Apap u maż-żmien beda jmur l-appartament tagħha għax saru aktar minn ħbieb. Qal li għalkemm dak iż-żmien kellha relazzjoni ma’ ġuvni Sirjan, xorta kien ikollu relazzjonijiet intimi magħha. Kompla li spiss kienet tgħidlu li tħobb iddaħħal il-flus mingħajr ma tbati u li jekk ma jgħinhiex, kienet se tgħid lil ħutha s-subien biex joqtluh.
Joseph Meilaq temm jgħid li l-imgħallem tiegħu u persuni oħrajn qrib tiegħu kienu jwissuh li Apap kienet se ddaħlu fl-inkwiet, iżda kkonferma li qatt ma ried jisma’ minnhom. Sostna li kieku qatt ma ltaqa’ magħha, kieku llum mhux qiegħed il-Ħabs.
Il-każ se jkompli fit-2 ta’ Settembru. L-Ispettur Jonathan Ferris qed imexxi l-Prosekuzzjoni, filwaqt li l-Avukat Valentina Lattughi qed tidher għal Graziella Apap.
//= $special ?>

