Internazzjonali

Tiżdied l-età minima taż-żwieġ fi Spanja

Dan il-pajjiż żied l-età minima taż-żwieġ minn 14 għal 16-il sena. Dan il-pass intlaqa’ tajjeb mill-uffiċjali tal-UNICEF u l-gruppi favur id-drittijiet tat-tfal fi Spanja.

Spanja, qabel, kellha l-iżgħar età permissibbli għaż-żwieġ, hekk kif is-subien u l-bniet setgħu jiżżewwġu ta’ 14-il sena bil-permess ta’ maġistrat. B’din il-miżura Spanja issa adottat il-kriterji tal-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej fir-rigward taż-żwieġ.

Il-Gvern Spanjol kien ħabbar l-intenzjoni li jibdel il-liġi inkwistjoni f’April tal-2013, iżda hu biss issa li l-liġi daħlet fis-seħħ.

Skont il-gazzetta ‘El Pais’, fi Spanja saru biss 365 każ ta’ żwieġ li jinvolvu persuni li għandhom inqas minn 16-il sena bejn is-sena 2000 u l-2014. Sadanittant, iżżewġu biss ħames koppji li għandhom inqas minn 16-il sena f’dan il-pajjiż matul is-sena li għaddiet.