Ħad-Dingli, is-Siggiewi, ir-Rabat, Ħal Qormi – dawn huma biss ftit mil-lokalitajiet li matul il-lejl li għadda esperjenzaw qtugħ fil-provvista tal-elettriku. U fl-eqqel tas-Sajf, diversi familji qed ikollhom jesperjenzaw l-iskumdita’ kbira tas-sħana kull meta jinqata’ d-dawl.
Din mhix sitwazzjoni rari. Il-qtugħ tad-dawl qed tkun xi haġa komuni immens. Kważi kull jum din il-ġimgħa kellna rapporti li l-provvista tal-elettriku inqatghet f’xi lokalita’ jew ohra.
Sa dalgħodu stess, anke fl-Imsida u Ta’ Xbiex reġa’ inqata’ d-dawl għal siegħa, filwaqt li f’irħula oħra kien hemm rapporti li d-dawl tbaxxa ħesrem għal sekondi.
Dawn il-każi kollha jsegwu numru ta’ rapporti madwar Malta fi tmiem il-ġimgħa li għadda.
Persuni li tkellmu ma’ dan l-istazzjon fissru kif inhu inaċċettabbli li d-dawl jinqata’ daqshekk frekwenti, b’mod speċjali f’dan il-jiem li s-sħana qed tkun tant għolja, li saħansitra d-dipartiment tas-saħħa ħareġ twissija.
Sa issa ma’ saret l-ebda stqarrija uffiċjali li fiha l-Enemalta skużat ruħa.
Fl-aħħar sighat kien rappurtat qtugh ta’ dawl kemm f’San Vincenz de Paul kif ukoll fil-Freeport.
//= $special ?>