Lokali

Gasol tabbanduna l-proġett tal-Powerstation tal-Gass – problemi finanzjarji għall-akbar shareholder tal-Electrogas

Il-kumpanija Gasol abbandunat il-proġett tal-Powerstation tal-Gass f’Delimara. Din il-kumpanija kienet l-akbar shareholder tal-konsorzju privat Electrogas, li jrid jibni l-Powerstation tal-Gass. Kollox jindika li din il-kumpanija kellha tirtira mill-konsorzju wara li kellha problemi finanzjarji.

Stqarrija maħruġa mill-konsorzju Electrogas tgħid li, wara li rtirat il-kumpanija Gasol, il-konsorzju se jkun magħmul minn tliet kumpaniji, fosthom il-kumpanija tal-enerġija tal-Ażerbajġan, is-Socar Trading, li kollha se jkollhom terz tax-shares tal-kumpanija.

Stqarrija maħruġa mill-Ministeru tal-Enerġija njorat kompletament l-irtirar tal-Gasol mill-konsorzju Electrogas u qalet biss li tilqa’ b’mod pożittiv l-aħbar li l-konsorzju Electrogas issa se jkun magħmul minn tliet kumpaniji. Fl-istqarrija, il-Gvern qal ukoll li l-iżvilupp tal-Powerstation se jżomm il-pass li qabad.

Fil-ġimgħat li għaddew sar magħruf li l-Gvern ta’ Joseph Muscat għamel garanzija bankarja ta’ 88 miljun ewro lill-konsorzju privat Electrogas biex ikun kopert is-self tal-konsorzju għall-bini tal-Powerstation. L-Oppożizzjoni Nazzjonalista saħqet li l-Gvern qed juża’ flus il-poplu biex jagħmel tajjeb għal progett mill-privat f’każ li dan il-proġett imur ħażin. Barra minhekk, ressqet Mozzjoni fil-Parlament biex titlob lill-Gvern jippubblika mill-aktar fis possibbli dak kollu relatat ma’ din il-garanzija bankarja.

L-irtirar tal-kumpanija Gasol mill-konsorzju Electrogas hu biss l-aħħar minn sensiela ta’ intriċċi li ddawwar bihom il-proġett tal-Powerstation ta’ Delimara, li kien fiċ-ċentru ta’ numru ta’ kontroversji. L-ewwel kontroversja kienet dwar id-dewmien ta’ dan il-proġett, li suppost kellu jkun lest f’Marzu li għadda – sentejn mill-elezzjoni ġenerali tal-2013.

Il-progett tal-Powerstation tal-Gass kien imkebbeb ukoll f’xibka sħiħa ta’ ħabi u nuqqas ta’ trasparenza, tant li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista talbet lill-Gvern ta’ Muscat jippubblika kopja tal-ftehim li ffirma mal-konsorzju Electrogas, kif ukoll kull ftehim marbut mal-bini tal-Powerstation u x-xiri tal-elettriku. Madankollu, dawn it-talbiet kollha waqgħu fuq widnejn torox.

Stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista ddeskriva l-aħbar li l-Gasol abbandunat il-proġett tal-Powerstation tal-Gass bħala waħda li tikkonferma kemm il-wegħda elettorali ewlenija li biha Joseph Muscat rebaħ l-elezzjoni ġenerali li għaddiet kienet farsa mill-bidu sal-aħħar. Dan wara li, minkejja l-wegħdiet, il-Gvern diġà falla milli jlesti l-proġett sa Marzu li għadda.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Powerstation li suppost bdiet taħdem erba’ xhur ilu, mhux talli mhix lesta, talli issa tilfet l-aktar kumpanija importanti tal-konsorzju li suppost bnieha. Dan kollu jikkonferma kemm l-Oppożizzjoni kellha raġun meta fl-aħħar sentejn ġibdet ripetutament l-attenzjoni tal-Gvern dwar il-vijabbiltà tal-proġett. Min-naħa tiegħu, il-Gvern dejjem ipprova jirredikola lil min ġibidlu l-attenzjoni u baqa’ jwebbes rasu.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-fatt li l-kumpanija ewlenija tal-konsorzju Gasol spiċċat mill-proġett jitfa’ dubji serji fuq kemm il-proċess ta’ public procurement li sar mill-Gvern jibqa’ validu. Barra minhekk, dan jikkonferma wkoll kemm id-due diligence li għamel il-Gvern biex jagħżel il-konsorzju kien dilettantesk, filwaqt li jikkonferma kemm il-Gvern żbalja meta għamel tajjeb għal dan il-proġett b’garanzija bankarja ta’ 88 miljun ewro minn flus il-poplu.

Illum hu ċar daqs qatt qabel li l-proġett tal-Powerstation, li bih Muscat rebaħ l-elezzjoni, kien farsa mill-bidu sal-aħħar. Il-proġett ta’ Muscat qed jaqa’ biċċiet. Joseph Muscat u Konrad Mizzi ma baqalhom l-ebda kredibbiltà, temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.