L-Amministrazzjoni tal-Bank of Valletta, b’mod partikolari ċ-Chairman John Cassar White, għandu ħafna xi jwieġeb u jagħti spjegazzjoni ċara ta’ dak li qed jiġri fid-deċiżjonijiet li jittieħdu fl-ogħla livelli tal-Bank.
Stqarret dan il-kelliema għas-Servizzi Finanzjarji, IT u Gaming Kristy Debono waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-bini l-ġdid tal-uffiċċju taċ-Chairman tal-BoV John Cassar White fil-Belt Valletta.
Kristy Debono qalet li s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon ingħata 4 snin paga bil-quddiem u filwaqt li l-azzjonisti qed iħallsu 35% fuq id-dividends, Falzon ħa iktar minn kwart ta’ miljun ewro (€260,000) mingħajr ma’ ħallas ċenteżmu taxxa. Hi sostna li bosta azzjonisti qed jistaqsu x’tip ta’ deċiżjonijiet qed jittieħdu, fosthom dik tal-bord magħmul mill-persuni viċin it-tmexxija Laburista fosthom John Cassar White li nħatar mill-Gvern, Deo Scerri li hu l-awditur tal-Partit Laburista, u Joe Zrinzo, misser l-eks President tal-Partit Laburista Stefan Zrinzo Azzopardi.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Ryan Callus qal li meta Michael Falzon sar Segretarju Parlamentari, ma nbidillu xejn mid-dħul tiegħu mill-bank anzi mar aħjar għax minflok baqa’ jitħallas bix-xahar, issa ħa erba’ snin paga bil-quddiem mingħajr ma jħallas taxxa.
Hu qal li jiġri is-soltu, meta impjegat tal-Bank jingħata kariga pubblika, dan jingħata leave mingħajr ħlas iżda ma’ Michael Falzon, l-amministrazzjoni tal-BoV aġixxiet b’mod differenti. Ryan Callus staqsa jekk dan l-arranġament hux ir-raġuni vera wara r-ras iebsa ta’ Michael Falzon li ma jirriżenjax mill-kariga wara l-involviment tiegħu fl-iskandlu Gaffarena. Dan għaliex, jekk Michael Falzon jirriżenja jew jitneħħa mill-kariga, hu jkollu jirrifondi parti sostanzjali minn din is-somma.
//= $special ?>