Lokali

Il-BOV m’għandux ikun Każin tal-Labour – l-Oppożizjoni

Iċ-Chairman tal-BOV għandu jispjega għaliex ta erba’ snin paga ta’ xejn lil Michael Falzon

L-Amministrazzjoni tal-Bank of Valletta, b’mod partikolari ċ-Chairman John Cassar White, għandu ħafna xi jwieġeb u jagħti spjegazzjoni ċara ta’ dak li qed jiġri fid-deċiżjonijiet li jittieħdu fl-ogħla livelli tal-Bank.

Stqarret dan il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għas-Servizzi Finanzjarji Kristy Debono waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-bini l-ġdid tal-Uffiċċju taċ-Chairman tal-BOV John Cassar White fil-Belt. Debono qalet li s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon ingħata erba’ snin paga bil-quddiem u, filwaqt li l-azzjonisti qed iħallsu 35% fuq id-dividends, Falzon ħa €260,000 mingħajr ma’ ħallas ċenteżmu taxxa.

Sostniet li bosta azzjonisti qed jistaqsu x’tip ta’ deċiżjonijiet qed jittieħdu, fosthom dik tal-Bord magħmul mill-persuni viċin it-tmexxija Laburista, fosthom Cassar White li nħatar mill-Gvern, Deo Scerri li hu l-Awditur tal-Partit Laburista, u Joe Zrinzo misser l-eks President tal-Partit Laburista Stefan Zrinzo Azzopardi.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Ryan Callus qal li meta Michael Falzon sar Segretarju Parlamentari, ma nbidillu xejn mid-dħul tiegħu mill-Bank, anzi mar aħjar għax minflok baqa’ jitħallas bix-xahar, issa ħa erba’ snin paga bil-quddiem mingħajr ma jħallas taxxa. Qal li dak li jiġri ssoltu hu li meta impjegat tal-Bank jingħata kariga pubblika, dan jingħata leave mingħajr ħlas. Madankollu, ma’ Michael Falzon, l-amministrazzjoni tal-BOV aġixxiet b’mod differenti.

Ryan Callus staqsa jekk dan l-arranġament huwiex ir-raġuni vera wara r-ras iebsa ta’ Michael Falzon li ma jirriżenjax mill-kariga minkejja l-involviment tiegħu fl-Iskandlu Gaffarena. Dan għaliex, jekk Michael Falzon jirriżenja jew jitneħħa mill-kariga, hu jkollu jirrifondi parti sostanzjali minn din is-somma.