Tul dawn l-aħħar 17-il sena, Net Television kien strumentali biex iwassal il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista.
Meta kien qed jitkellem fit-tnedija tal-attivitajiet intiżi biex jinġabru fondi għall-proġett Net-HD, il-Kap tal-PN Simon Busuttil qal li l-ftuħ ta’ Net Television fl-1998 ġab il-pluraliżmu tassew fix-xandir ta’ pajjiżna.
Filwaqt li rringrazzja lill-management u l-ħaddiema ta’ Media Link għall-ħidma ta’ kuljum li jagħmlu, Simon Busuttil qal li meta nħatar Kap tal-PN hu wiegħed l-impenn tiegħu biex Net Television jerġa’ jsir l-aħjar stazzjon u Media.Link, l-aħjar kumpanija.
Hu qal li issa wasal il-mument li jagħmel il-pass li jmiss; il-qabża għal xandir High Definition (HD). Hu jemmen li Net Television għandu jkun l-aħjar għal erba’ raġunijiet ewlenin: għaliex jemmen fil-liberta’ tal-espressjoni, tal-liberta’ ġurnalistika u l-pluraliżmu f’kuntest ta’ media iddominata mill-Gvern u l-messaġġ tiegħu; li Net Television ikun il-pijunier kemm fil-kwalita’ teknika tal-istampa u tal-kulur; għal politika onesta fejn l-istazzjon tat-televiżjoni jgħid il-verita’ sħiħa u politika nadifa; fejn il-PN mhux qed jagħżel li jdur għand il-ftit. Simon Busuttil qal li ma jridx politika fejn xi ħadd iħallas minn taħt u jkollok l-obbligi lejh.
Min-naħa tagħha s-Segretarju Ġenerali tal-PN Rosette Thake tat dettalji dwar il-proġett Net-HD li hu stmat li jiswa €500,000. Dan jinkludi xiri ta’ cameras u tagħmir tal-editing inkluż computers.
Hi ħabbret numru ta’ inizzjattivi sabiex jinġabru fondi għal dan il-proġett fosthom il-Lotterija Indipendenza, Sfida 51, Skema donazzjoni €135, maratona ġbir ta’ fondi f’Settembru u maratona ġbir ta’ fondi fil-Milied.
Kull min jixtieq jagħti donazzjoni għal dan il-proġett, jista’ jagħmel dan billi jċempel fuq :
• 51602003 għal donazzjoni ta’ €10
• 51802011 għal donazzjoni ta’ €25
• 51902050 għal donazzjoni ta’ €50
Wieħed jista’ wkoll jibgħat SMS fuq 50618928 għal donazzjoni ta’ €6.99.
//= $special ?>
