Uffiċjali tan-Nazzjonijiet Uniti qed jaħsbu li mietu sa 40 immigrant Afrikan wara li d-dgħajsa li kienu qed jivvjaġġaw biha għerqet ‘il hinn mill-kosta tal-Libja.
Numru ta’ immigranti li għexu minn din it-traġedja qalu lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-aġenziji tal-għajnuna li ‘l fuq minn 120 persuna kienu fuq id-dgħajsa fil-ħin meta bdiet iddaħħal l-ilma.
Ingħad li diversi minn dawn l-immigranti, li jinkludu nisa u tfal, għerqu fil-kaos u l-konfużjoni sussegwenti. Intant, madwar 90 immigrant salvaw, wara li vapur merkantili ġabarhom minn dik iz-zona ta’ baħar.
Fis-sigħat ta’ wara, l-immigranti tgħabbew fuq bastiment militari tal-Ġermanja li kien għaddej bir-ronda f’dik iz-zona u li, imbagħad, wassalhom lejn Sqallija.
Jaħsbu li l-immigranti inkwistjoni kienu ġejjin mill-kontinent Afrikan ta’ taħt is-Sahara, li jinkludi s-Senegal, il-Mali u Benin.
L-uffiċjali mal-Aġenzija tan-NU għar-Refuġjati, sadanittant, għamlu diversi mistoqsijiet lill-immigranti li twasslu fl-inħawi ta’ Augusta, fi Sqallija.
Dawn l-immigranti qalulhom li ‘minn 35 sa 40 immigrant kienu għebu waqt il-kaos’ fil-ħin meta għerqitilhom id-dgħajsa.
In-NU qalet li, din is-sena, mas-60,000 persuna diġà ppruvaw jaqsmu l-Mediterran wara li bdew il-vjaġġi mill-Afrika ta’ Fuq. Intant, mietu ‘l fuq minn 1,800 immigrant waqt dawn il-vjaġġi bil-baħar periklużi; biċ-ċifra tirrappreżenta żieda ta’ 20 darba fuq l-istatistika traġika għall-istess perijodu taż-żmien, fl-2014.
Indikazzjonijiet li għerqu l-għexieren tal-immigranti fil-Mediterran
