Lokali Parlament

It-trasparenza fl-AFM fl-aqwa tagħha!

Il-Ministru Abela jibqa’ ma jweġibx mistoqsijiet parlamentari li sarulu ħames darbiet

Għal diversi xhur il-Ministru Carmelo Abela baqa’ ma weġibx domanda tal-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-PN, Beppe Fenech Adami meta ntalab biex jagħti informazzjoni dwar il-Forzi Armati ta’ Malta.

Kienu diversi l-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta li taħt din l-amministrazzjoni lmentaw bil-mod ta’ kif qed jitmexxew l-affarijiet fi ħdan l-istess armata. Jekk ma tkunx ħabib jew qrib tal-Brigadier Jeffrey Curmi jew tal-Kurunell Mark Mallia, m’għandekx ċans li tiehu transfer jew li tkun aġevolat fi ħdan l-istess armata. Dik li għal snin sħaħ kienet is-“C” company fi ħdan il-forzi armati ta’ Malta, ġiet żmantellata u minflok twaqqfet taqsima ġdida bl-isem ta’ Special Operations Unit (SOU).

Beppe Fenech Adami ressaq ħames mistoqsijiet parlamentari lill-Ministru Abela fejn staqsa serje ta’ domandi biex il-pubbliku jkun infurmat fuq din il-unit ħ=[dida fi ħdan l-armata.

Fl-ewwel mistoqsija, il-Ministru ntalab jispjega x’ser tkun id-differenza bejn l-operat li kienet tagħmel is-“C” company u dak li ser tagħmel l-SOU. Staqsa wkoll jekk sarx studju minn naħa tal-personnel office tal-AFM ta’ kif ser jitħaddem l-SOU, kif ukoll jekk hux ser jingħata taħriġ apposta u speċjalizzat lill-membri li ġew magħżula fi ħdan l-SOU.

Id-domandi l-oħra kienu jekk kienx hemm sejħa interna biex il-membri tal-AFM setgħu japplikaw għal dan il-unit, kif ġew magħżula l-membri li ser ikunu jaħdmu fi ħdan l-SOU u fl-aħħar u mhux l-inqas, min ser ikunu l-membri li ser ikunu fuq il-bord tal-għażla. Minn dawn id-domandi kollha, il-Ministru Carmelo Abela ma wieġeb l-ebda domanda minkejja li dawn id-domandi ġew imressqa lilu għal ħames darbiet fil-Parlament.

Quddiem dan it-tkaxkir tas-saqajn biex jiġu mwieġba dawn il-mistoqsijiet parlamentari, huwa evidenti li l-Ministru Abela ma jridx iwieġeb. Dan għax jaf li l-mod ta’ kif qed isiru l-affarijiet mhux qed isiru bit-trasparenza li kien tant wiegħed il-Partit Laburista qabel ma kien elett f’Marzu tal-2013. Sorsi qrib l-AFM qalu li ħafna mid-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod dirett minn Jeffrey Curmi u Mark Mallia, u hafna drabi minn wara dahar l-istess Ministru Abela.

Huwa fatt magħruf li dawk kollha li ġew magħżula biex iservu fi ħdan l-SOU għaddew minn għarbiel tajjeb bil-barka ta’ dawn l-ogħla uffiċjali tal-armata. Ħafna kienu qed jistennew li wara li tneħħa l-eks-Ministru Manwel Mallia, l-affarijiet kellhom jinbidlu għall-aħjar. Iżda minn dak li qed jigri fi ħdan l-AFM huwa ċar li l-affarijiet baqgħu sejrin għall-agħar għad-detriment ta’ dawk li ma’ jaqblux ma’ dawn iż-żewġ uffiċjali għolja.

Persuni li jkunu qrib ħafna tal-Kwartieri Ġenerali tal-AFM fejn hemm l-uffiċċjii tal-Brigadier u d-Deputat tiegħu, qalu li ċertu diskors li jintqal fil-konfront ta’ ċerti persuni jixhed biss li jgħodd biss lil min taf u mhux kemm taf. Tant hu hekk li `erti nies li marru jkellmu lill-Ministru Abela fuq transfer li qalgħu, ġew avviċinati minn ċerta uffiċjali fil-AFM fejn qalulhom li għalxejn qed imorru għand il-Ministru għax tal-Brigadier se tgħaddi u hemm ser jibqgħu.

Il-fatt li l-Ministru ma weġibx dawn id-domandi tal-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni u Shadow Minister tal-Intern Beppe Fenech Adami, ikompli juri kif il-Brigadier u ta’ madwaru ma ħassewhom xejn komdi li jwieġbu dawn id-domandi.

Iridu wkoll li kollox jibqa’ mistur biex b’hekk ikunu jistgħu jagħmlu dak li jridu huma, mingħalihom li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista mhux ser tagħti vuċi lil dawk il-membri tal-AFM li qed iħossuhom diskriminati jew ikkalpestati bid-diċiżjonijiet unilaterali li qed jieħdu l-Brigadier u d-Deputat tiegħu.