Wara l-isparatura qalila tal-Ħamis tul il-fruntiera bejn it-Turkija u s-Sirja ma’ ġellieda tal-ISIS, it-Turkija tat bidu għal attakki mill-ajru kontra l-ISIS fis-Sirja.
Dan minbarra li tat permess lill-Istati Uniti biex tibda tuża l-bazi tal-ajru ta’ Incirlik għal attakki minn ajruplani Amerikani kontra l-ISIS fis-Sirja u l-Iraq.
Fl-attakk tal-Ħamis, suldat Tork inqatel fil-ġlied filwaqt li żewġ uffiċjali tal-Pulizija Torok inqatlu fi sparatura l-Erbgħa ma’ ġellieda tal-PKK.
Fl-istess ħin, il-Pulizija Torka wettqet rejds madwar il-pajjiż u fil-mira kien hemm mhux biss nies qrib l-ISIS imma wkoll qrib il-PKK, il-grupp militanti Kurd. Matulhom kienu arrestati 297 persuna.
F’Istanbul biss, 5,000 uffiċjal tal-Pulizija għamlu tfittxijiet f’140 proprjetà filwaqt li saru rejds ukoll f’Ankara, Izmir u fil-provinċja ta’ Sanliurfa tul il-fruntiera Sirjana.
It-Turkija tidħol fl-azzjoni kontra l-ISIS
